MEA tinsisti fuq sostenn tax-xogħol u d-domanda fil-proposti tal-baġit

Is-sostenn tax-xogħol, il-bżonn li żżid id-domanda domestika u esterna u l-iżvilupp ta’ green economy għandhom ikunu l-prioritajiet tal-Baġit 2021, skont il-proposti tal-baġit tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA).

Fil-proposti tagħha, li ġew ippreżentati lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) f’Awwissu u maħruġa fil-pubbliku dawn l-aħħar jiem, l-MEA semmiet li l-andament ekonomiku ta’ Malta fis-sena 2021 jiddependi primarjament fuq żewġ fatturi: l-imxija tal-Covid-19 u r-riskju ta’ greylisting mill-Moneyval, l-entità li tevalwa l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus għall-Kunsill tal-Ewropa.

L-aktar sitwazzjoni ideali, skont l-MEA, tkun li l-vaċċin kontra l-Covid-19 jiġi żviluppat f’mod bikru, filwaqt li Malta ma’ tispiċċax fuq il-lista l-griża: f’dan il-każ, l-impatt fuq l-ekonomija jkun jew minimu jew anke pożittiv. Min-naħa l-oħra, żieda fil-każi u greylisting ikollu mpatt negattiv qawwi fuq il-finanzi tal-gvern, l-investiment u l-qgħad, li jaf itawwal aktar minn 3 snin.

L-assoċjazzjoni b’hekk tinsisti li l-gvern għandu jaħseb għal kull xenarju li jista’ jkun mistenni.

L-MEA tipproponi li ħafna mill-miżuri ta’ sostenn għall-kumpaniji għandhom jiġu estiżi. Tinsisti wkoll li għandu jkun hemm tnaqqis fir-rati kummerċjali tal-elettriku, kif ukoll tnaqqis ta’ taxxa fuq kumpaniji għal sena.

Biex iżżid id-domanda, l-MEA ittenni li għandu jkun hemm vouchers li jistgħu jintużaw fi ħwienet u postijiet tal-ikel, filwaqt li l-VAT jitnaqqas temporanjament biex ikunu jistgħu jinżlu l-prezzijiet. Tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma wkoll jistgħu jgħinu biex jiżdied il-bejgħ, filwaqt li min jikri u ra tnaqqis fid-dħul b’riżultat tal-pandemija għandu jirċievi sussidju, skont l-assoċjazzjoni.

L-MEA però nsistiet ukoll fuq il-bżonn li jkun hemm trasparenza u kontabilità fuq kull miżura.

“Fl-aħħar mill-aħħar, kull miżura u inizjattiva introdotta mill-gvern tiġi mħallsa bit-taxxi preżenti u futuri,” fakkret l-assoċjazzjoni.