McDonald’s tiċċelebra l-20 sena tagħha f’Malta

Dan ix-xahar, McDonald’s qed tiċċelebra l-20 sena tagħha f’Malta, u minn dak iz-zmien ‘l hawn serviet aktar minn 100 miljun klijent leali f’Malta u Ghawdex.
McDonald’s iddaħħlet f’Malta minn Paul Hili, li fetaħ l-ewwel ristorant fi Triq ir-Repubblika l-Belt f’Ġunju tal-1995. Fl-2005, Premier Capital plc akkwistat il-liċenzja biex topera l-McDonald’s f’Malta.
Lokalment il-McDonald’s titmexxa mill-Premier Restaurants Malta Ltd, parti mill-Premier Capital plc, li għandha l-liċenzja għall-iżvilupp tal-McDonald’s fl-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja u Malta.
Fl-ewwel snin wara li bdiet topera f’Malta, il-McDonald’s malajr stabbiliet il-preżenza tagħha fiċ-ċentri kummerċjali ewlenin tal-pajjiż. Żewġ ristoranti oħra fetħu fl-1995: wieħed fil-bajja ta’ Spinola, San Ġiljan, u ieħor fil-kumpless Plaza ta’ Tas-Sliema. F’Marzu tas-sena ta’ wara, fetaħ ristorant ieħor tal-McDonald’s fi Triq il-Wied f’Birkirkar. Fl-1996 fetah ukoll il-McDrive tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fi żmien qasir, ġew inawgurati tliet restoranti oħra: f’Buġibba, ir-Rabat Għawdex u ieħor fil-kumpless ta’ Bay Street. Fl-2008, infetaħ l-ewwel McCafe, kunċett ta’ kafetterija fil-McDonalds. Dan issa qiegħed fir-ristoranti ewlenin kollha. Ir-ristorant il-ġdid ta’ Tignè, Tas-Sliema, laqa’ l-ewwel klijenti tiegħu f’Mejju 2013 u f’April tal-2014 infetaħ it-tieni McDrive f’Ħal Għargħur.
Illum, il-McDonald’s f’Malta tħaddem 584 persuna, immexxija minn 50 manager, li jaqdu madwar 20,000 klijent kuljum f’disa’ ristoranti, appoġġjati minn tim ta’ 20 persuna fl-uffiċċju ċentrali tal-Marsa. F’dawn l-aħħar 20 sena, il-Premier Restaurants Malta impjegat aktar minn 10,500 persuna.
Il-maratona ewlenija tal-ġbir għall-karità tal-McDonald’s, li tikkonsisti fi programm ta’ xahar b’diversi attivitajiet li jwassal għall-McHappy Day, kienet organizzata l-ewwel darba madwar id-dinja fl-2002. F’dawn is-snin, bis-saħħa tal-McHappy Days organizzati f’Malta, fost inizjattivi oħra, inġabru iktar minn €300,000 għall-karità f’Malta.
F’riċeviment tal-okkażjoni, iċ-Chairman tal-Premier Capital plc, Melo Hili, qal li “l-anniversarju tal-ftuħ tal-ewwel ristorant f’Malta qed niċċelebrawh għal diversi raġunijiet. L-investiment konsistenti tagħna ssarraf f’suċċess u saħħilna aktar ir-relazzjoni ta’ fiduċja mal-McDonald’s. Din ir-relazzjoni wasslitna biex ninvestu fil-McDonald’s fl-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja fl-2007 u fil-Greċja fl-2011. Bħalissa noperaw 61 restorant u nimpjegaw 2,800 persuna f’ħames pajjizi.”
Artikli kummerċjali għandhom jintbagħtu fuq karl@newsbook.com.mt