McDonald’s tagħlaq il-ħwienet kollha fl-Ingilterra

Unsplash

McDonald’s se tagħlaq l-1,270 restorant li għandha fl-Ingilterra fid-dawl tal-biża’ li l-coronavirus se jkompli jinfirex.

B’kollox McDonald’s timpjega mal-135,000 persuna. Dawk impjegati direttament mal-kumpanija se jirċievu paga sħiħa sal-5 ta’ April.  Sa tmiem din il-ġimgħa, McDonald’s kien għadu qed joffri servizz ta’ takeaway u drive-through.

Madanakollu, fl-aħħar 24 siegħa nnutat li kien qed isir aktar diffiċli biex iżżomm id-distanza soċjali u għaldaqstant ittieħdet id-deċiżjoni li r-restoranti jagħlqu l-bibien. Il-kumpanija spjegat li d-deċiżjoni ttieħdet għall-ġid tal-ħaddiema u tal-klijenti.

Nando’s, li jimpjega 20,000 persuna, ukoll għalaq l-400 restorant li għandu fl-Ingilterra, “sakemm joħroġ avviż ieħor”.

Costa, sal-lejla se tkun qed tagħlaq aktar minn 2,000 ħanut fl-Ingilterra.

Pret A Manger għalqet l-400 ħanut fl-Ingilterra.

Starbucks għalqet il-fergħat kollha fl-Ingilterra mis-Sibt li għadda. Il-ħaddiema tagħha, il-maġġoranza bil-paga minima, se jitħallsu għall-ewwel erba’ ġimgħat.

Tesco qed tagħlaq fl-10pm il-ħwienet il-kbar tagħha li s-soltu jdumu miftuħin 24 siegħa kuljum. Dan sabiex ikollhom ċans jistokkjaw il-provvisti fis-supermarket, li qed jinħatfu fid-dawl tal-pandemija. Il-ħwienet qed jerġgħu jiftħu fis-6am.

Nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson qal li r-restoranti u l-kafetteriji għandhom jagħlqu, ħlief dawk li jbigħu t-takeaways. F’Malta s-sitwazzjoni hi simili, bir-restoranti u stabbilimenti tal-ikel ilhom magħluqa għall-aħħar ġimgħa.