​“McDonalds mhux postu f’Ħaż-Żabbar” – AD

Iċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo u d-Deputat Ċerpersin tal-istess partit Mario Mallia ppreżentaw oġġezzjoni għall-applikazzjoni ta’ żvilupp barra miż-żona ta’ żvilupp f’Ħaż-Żabbar, biex jinfetaħ stabbiliment ieħor tal-McDonalds.
Fi stqarrija, l-AD sostniet, li l-applikazzjoni m’għandhiex tkun approvata, minħabba li tmur kontra dak li jipprovdi l-Pjan Lokali tan-Nofsinhar għal binjiet rurali ta’ din ix-xorta, li huma barra miż-żona ta żvilupp.
L-AD spjegat li dan ifisser li:

  1. L-ebda lokal ta’ catering mhu permissibbli f’dawn l-inħawi
  2. Il-bini m’għandux jiżviluppa iktar minn 25 metru ‘l ġewwa mill-faċċata
  3. M’għandhiex tkun mittiefsa art iktar minn dak li l-binja eżistenti qed tuża

Alternattiva Demokratika ghaldaqstant ingħaqdet mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar u mal-għaqdiet ambjentali fl-oppożizzjoni tagħha ghal din l-applikazzjoni.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK, is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar Mark Vella Bonnici qal li mhux sew li jingħataw permessi bl-addoċċ.