McDelivery għal Malta?

Waqt li kien qiegħed jikkummenta dwar r-rapport finanzjarju ta’ Premier Capital plc, kumpanija Maltija li hija d-detentur tal-liċenzja ta’ McDonald’s f’sitt pajjiżi ewropej, id-Direttur Maniġerjali Victor Tedesco ta x’jifhem li f’Malta dalwaqt se naraw is-servizz ta’ McDelivery, kunċett li jeżisti barra minn Malta fejn tista’ tordna l-ikel tal-McDonald’s u jwassluhulek wara l-bieb. 
Fi kliemu, ‘l-esperjenza tal-futur’ tinkludi l-introduzzjoni ta’ Mc Delivery, flimkien mal-faċilità li wieħed jordna u jħallas minn fuq il-mowbajl, u servizz ta’ ospitalità aħjar fl-istabbilimenti tal-McDonald’s permezz ta' table service. 
Fi stqarrija Premier Capital plc qalet li fl-2017 irreġistrat żieda ta’ 14.5% fid-dħul tagħha li jammonta għal €263 miljun. 
Grazzi għal tim ta’ 7,500 persuna, fl-Estonja, il-Greċja, il-Latvija, il-Litwanja, Malta u r-Ruminja, Premier Capital serviet aktar minn 112-il miljun konsumatur is-sena l-oħra, seba’ miljuni aktar mill-2016, rekord ġdid għal din il-kumpanija. 
B’hekk fl-2017, il-grupp irreġistra profitt ta’ €23.4 miljun. Wara l-ispejjeż tal-investimenti u dawk finanzjarji, il-grupp irreġistra profitt ta’ €20 miljun qabel it-taxxa, żieda mis-€16.6 miljun li għamlu s-sena l-oħra. L-assi ammontaw għal €47.6 miljun.