MCAST lest biex jilqa’ l-istudenti, imma l-appoġġ ta’ kulħadd meħtieġ

Bħala wieħed mill-ewwel istituzzjonijiet edukattivi li se jiftaħ il-bibien tiegħu għall-istudenti, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) qal li lest biex jilqa’ l-istudenti: però nsista li meħtieġ l-appoġġ ta’ kulħadd biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-istaff u l-istudenti.

Madwar 150 student se jkunu fuq il-kampus tal-MCAST fit-30 ta’ Settembru biex jagħmlu t-testijiet tal-bidu tas-sena biex jiksbu aċċess għall-korsijiet. Numru kbir ta’ studenti se jibdew il-lectures fl-1 ta’ Ottubru, kemm fil-klassi kif ukoll online. Sad-19 ta’ Ottubru, l-istudenti kollha tal-MCAST se jkunu bdew il-korsijiet tagħhom.

L-MCAST kien l-ewwel istituzzjoni edukattiva post-sekondarja Maltija li ppublika l-protokoll għas-sigurtà, u żied li dan kien ir-riżultat ta’ risk assessments li saru fil-faċilitajiet kollha tal-kulleġġ u ta’ konsultazzjoni mas-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika, l-union u l-istudenti.

Hand sanitisers huma disponibbli fil-postijiet kollha tal-kulleġġ, u sinjali madwar is-siti jfakkru dwar l-użu obbligatorju tal-maskri, id-distanza soċjali u l-importanza li wieħed jaħsel idejh spiss. Kull istitut għandu uffiċjal tal-mitigazzjoni responsabbli għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-Covid-19.

“Ittieħdu l-miżuri kollha mill-Kulleġġ biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-istaff u l-istudenti,,” il-prinċipal tal-MCAST Joachim James Calleja qal f’indirizz lill-letturi fil-bidu tas-sena akkademika.

“Madankollu, l-isforzi u l-investimenti kollha ma jservu għal xejn jekk barra l-Kulleġġ ma nirrispettawx ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Il-piż ta’ din l-isfida għandu jinqasam bejn kulħadd. Fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, aħna niddependu fuq il-prattika. Għandna bżonn inkomplu naqdu u nappoġġjaw filwaqt li ntaffu r-riskji għall-komunità tal-Kulleġġ. Hekk kif iċ-ċirkostanzi jistgħu jinbidlu, jista’ jkun li jkollna nagħmlu bidliet fi żmien qasir u naħdmu b’aġilità. Irridu nwasslu wkoll messaġġi ċari u konsistenti. Il-kollaborazzjoni u l-komunikazzjoni huma kruċjali: naħdmu flimkien biex nieħdu ħsieb saħħitna – dan huwa l-prinċipju gwida tagħna,” żied jgħid Calleja.

Aktar informazzjoni dwar il-passi li qed jieħu l-MCAST tinstab online.