MCAST jiċħad li l-invigilators għamlu eżamijiet tal-ECDL minflok studenti

L-MCAST jiċħad li impjegati għamlu testijiet tal-ECDL minflok studenti Libjani li kienu f’Malta.

Dan wara li filmat li ttella’ fuq YouTube fil-jiem li għaddew jgħid li f’Marzu 2011, il-ħaddiema tal-MCAST kienu qed jagħmlu t-testijiet tal-ECDL minflok l-istudenti Libjani li ġew Malta għat-taħriġ , biex dawn żgur ikollhom ċertifikat.

Fi stqarrija l-MCAST qal li l-invigilators li jidhru fil-filmat kienu qed jaraw li l-kompjuters jaħdmu sew biex ikunu jistgħu jsiru l-eżamijiet li jmiss skont l-iskeda. Il-Kulleġġ isostni li waqt li kien qed jinġibed il-filmat, ma kienux qed isiru eżamijiet.

Taħt il-filmat hemm miktub li l-Gvern Libjan ħallas €2 miljun lil MCAST biex iħarreġ 75 student Libjan qabel il-bidu tar-rivoluzzjoni Għarbija. MCAST qal li l-kuntratt mal-Libja kien ta’ €174,906.

Din l-allegazzjoni ġiet irrappurtata illum fil-ġurnal Malta Today. Min-naħa tiegħu, l-MCAST sostna li għandu l-attendenza ta’ kull student li poġġa għall-eżami u anke l-marka miksuba. Jidher li kien hemm studenti Libjani li ma komplewx it-taħriġ.

Il-Kulleġġ għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija jsostni li l-fatt li l-filmat ittella’ online sentejn wara li nġibed jindika li xi ħadd irid iħammeġġ isem il-Kulleġġ u jxekkel ir-relazzjoni bejn l-MCAST u l-Gvern il-ġdid Libjan. Dan hekk kif l-MCAST mistenni jipprovdi programmi edukattivi ġodda fil-Libja.