Max Ciantar irid jinħeles biex jara lil ibnu ta’ sentejn

Kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Max Ciantar, akkużat li fil-ġimgħat li għaddew, ħabat ma’ karozza fil-Ħamrun u baqa’ għaddej.
Fil-Qorti, Ciantar qal li l-ħsieb tiegħu hu li jimxi ma’ dak li tgħidlu l-Qorti, għax irid jara lil ibnu li għandu sentejn mill-aktar fis possibbli. Żied jgħid li ħafna gwerer madwar id-dinja ma ġewx irrappurtati mill-midja, għall-kuntrarju tal-inċidenti tiegħu.
Xehdet ukoll il-probation officer, li qalet li dakinhar, Ciantar ma kienx jidher f’siktu.  Żiedet tgħid li f’Ġunju li għadda ħaditlu kampjuni tal-urina u rriżulta li ma kellux traċċi tad-droga.
Sadanittant il-prosekuzzjoni qalet li hekk kif ittieħed l-għassa u qalulu li se jżommuh fiċ-ċella, Ciantar heżżeż snienu u beda jidgħi, u li kien biss x’ħin qalulu li se jeħduh l-isptar li kkalma.
L-avukat ta’ Ciantar talab għal-libertà proviżorja, iżda l-Qorti qalet li d-deċiżjoni se tingħata f’dta oħra.