Matul l-2014, il-vjaġġi bl-immigranti irregolari ma waqfu qatt – Frontex

Sa mill-bidu tal-operazzjoni Triton tal-Frontex fl-1 ta’ Novembru li għadda, aktar minn 11,400 immigrant ingħataw l-għajnuna wara li sabu ruħhom f’diffikultà fil-baħar Mediterran.
Madwar 10,000 talbu l-għajnuna tal-Frontex, f’77 operazzjoni tas-salvataġġ.
Għalkemm dawn il-figuri huma ferm inqas mit-28,000 immigrant li ngħataw l-għajnuna f’Awwissu, il-Frontex qed issostni li dawn iċ-ċifri huma ferm ogħla mis-soltu f’dawn ix-xhur tal-kesħa.
L-aġenzija Ewropea saħansitra qed issostni li s-sena 2014, se tibqa’ mfakkra bħala sena fejn il-vjaġġi bl-immigranti kienu kostanti matul is-sena kollha.
Il-Frontex qalet li t-traffikanti tal-persuni qed jibdew jużaw bastimenti ferm ikbar mid-dgħajjes tradizzjonali, b’uħud iktar minn 75 metru tul.
Dawn il-bastimenti qed jinsterqu mill-portijiet, b’mod speċjali mit-Turkija, pajjiż li qed jesperjenza żieda qawwija ta’ immigranti mis-Sirja.
Antonio Saccone, il-Kap tal-Operazzjonijiet tal-aġenzija Ewropea qed issostni li dawn il-bastimenti qed jiġu fdati f’idejn kaptani minn pajjiżi terzi bħar-Russja, mill-gruppi tat-traffikanti u jitilqu lejn Ċipru u Kreta lejn l-Italja, li huwa l-iktar pajjiż imfittex bħala destinazzjoni mill-immigranti irregolari Afrikani u mil-Lvant Nofsani.
Ir-refuġjati Sirjani qed ikollhom iħallsu mas-€6,000 lit-traffikanti tal-persuni biex mis-Sirja jittieħdu lejn it-Turkija.
Hekk kif il-bastimenti qed iġorru aktar minn 600 immigranti, mill-vjaġġi dawn it-traffikanti qed jaqilgħu l-miljuni.
Il-Frontex irrimarkat kif it-traffikanti tal-bnedmin saru jqisu wkoll vjaġġi li jagħmlu bastimenti merkantili fiċ-ċentru tal-Mediterran, tant li 30% tal-immigranti tħallew waħedhom fil-baħar sakemm ingħataw l-għajnuna mill-membri tal-ekwipaġġ ta’ dawn il-bastimenti merkantili.
Il-liġijiet internazzjonali jobbligaw lill-kaptanti tal-bastimenti biex jgħinu lill-immigranti u jittieħdu fl-eqreb port.
Stqarrija tal-Frontex issostni li għalkemm qed tingħata €2.9 miljun kull xahar, l-aġenzija Ewropea mhix f’pożizzjoni li tieħu ħsieb il-każi kollha tal-immigranti irregolari.
Dan għaliex il-baġit allokat huwa biss terz tal-baġit li t-Taljani kellhom għall-ħidmiet f’Mare Nostrum.