Matthew Zahra għadu ‘ħaj’ għax qatt ma ngħata ċertifikat lir-Reġistru Pubbliku

Matthew Zahra għadu ma ġiex iċċertifikat mejjet mir-Reġistru Pubbliku għaliex qatt ma ġie ppreżentat ċertifikat ta’ tabib jew mill-isptar bid-dettalji tal-mewt.
Dan intqal minn rappreżentant tar-Reġistru Pubbliku fil-Qorti waqt il-kumpilazzjoni tal-provi kontra raġel ta’ 39 sena minn Birżebbuġa u raġel ieħor ta’ 30 sena minn Raħal Ġdid, li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Matthew Zahra.
Fil-Qorti ntqal ukoll li mingħajr ċertifikat bid-dettalji tal-kaġun tal-mewt ta’ Zahra, ir-Reġistru mhux f’pożizzjoni li joħroġ iċ-Ċertifikat tal-Mewt.
Dan wara li f’seduta oħra tal-Qorti kien irriżulta li dan iċ-ċertifikat baqa’ qatt ma ħareġ.
Matthew Zahra ta’ 27 sena mill-Belt Valletta kien instab midfun fl-istess għalqa fil-Qajjenza fejn kienu nstabu mejta Mario Camilleri l-Imnieħru u ibnu.
Fil-Qorti ntqal ukoll li teżisti anomalija fejn bdew il-proċeduri kontra ż-żewġt irġiel akkużati bil-qtil ta’ Zahra meta l-vittma għadu ma ġiex iċċertifikat mejjet.
Ġie enfasizzat li huwa ironiku kif minħabba ċertifikat ma tistax issir id-difna ta’ Matthew Zahra.
Intlaħaq qbil fil-Qorti li d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jieħu l-parir tal-Avukat Ġenerali.