Matthew Magro u Sue Abela jirbħu l-MTBA Memorial 2020

MTBA Memorial 2020 b’tifkira ta Silvio Anastasi u Sammy Borg

Matthew Magro u Sue Abela rebħu l-kategoriji maskili u femminili rispettivament tat-tieni edizzjoni tal-Malta Tenpin Bowling Association Memorial.

Abela kienet fuq quddiem prattikament mill-bidu sal-aħħar, billi kienet l-unika plejer mit-tnax il-kompetittriċi femminili li lagħbet ‘l fuq mill-200 medja, u kienet segwita minn Cynthia Duca u Liliana Spiteri, li spiċċat indaqs ma’ Tiziana Carannante iżda ngħatat it-3 post minħabba li Spiteri kella l-ogħla l-aħħar logħba.

Il-kompetizzjoni tal-irgiel kellha 23 plejer u kienet ferm miġġielda sal-aħħar, iżda Magro, ta’ 18-il sena, li beda f’forma mill-aqwa,  wara l-waqfa ta’ Covid 19, irnexxielu jżomm l-ewwel post b’serje b’saħħitha ta’ 1307 (medja 217.8), biex għeleb lil Nicholas Muscat ta’ 15-il sena b’9 pin biss.

Ft-tielet post spiċċa Mark Spiteri, segwit mill-qrib minn Neil Sullivan, Mauro Anastasi, Rankin Camilleri u Chris Fenech ta ’13-il sena, li spiċċa fis-7 post, 72 pin wara Magro.

Il-premjijiet ġew ippreżentati minn Paul Baldacchino, president tal-MTBA, flimkien mal-familja ta’ Sammy Borg, filwaqt li, Melissa, mart il-mibki Silvio Anastasi, u oħt Sue Abela, kienet preżenti għall-kompetizzjoni.

Dan il-Memorial jittella’ biex jitfakkru Silvio Anastasi u Sammy Borg, li f’dawn l-aħħar sentejn kienu tilfu l-battalja tagħhom mal-kanċer.