Matthew Gauci jirbaħ l-Enduro f’Għawdex

Nhar il-Ħadd filgħodu l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK) kienet impenjata f’Ħondoq ir-Rummien fil-Qala, fejn ġiet organizzata t-tielet attività Enduro.
B'kollox irreġistraw 32 kompetitur maqsuma fit-tliet klassijiet: Klassi A bil-muturi zgħar b’ċilindrata taħt il-250, Klassi B għall-muturi ikbar minn 250 ċilindrata u Klassi Ċ li jaqgħu fiha l-muturi Trials.
Fi Klassi A, Andrea Scicluna u Nigel Anastasi fuq muturi KTM iddominaw, b’Anastasi jkun l-aħjar kompetitur fl-ewwel heat tiegħu b’ħin ta' 4 minuti 17.38 sekondi u Scicluna b'ħin ta' 4 minuti 8.26 sekondi biex dan tal-aħħar spiċċa rebaħ din il-klassi segwit minn Anastasi. Fit-tielet post spiċċa Roger Grima fuq Yamaha b’ħin ta' 4 minuti 27.58 sekondi u fir-raba' post jispiċċa Daniel Caruana fuq Honda b’ħin ta' 4 minuti 50.93 sekondi.
Fi Klassi B, Matthew Gauci fuq Sherco ddomina fl-ewwel heat u kompla jtejjeb il-ħin tiegħu fit-tieni meta spiċċa f'ħin ta' 3 minuti 22.58 sekondi. Gauci kien segwit minn l-aħwa Joseph u Ian Scicluna fuq KTM b’Joseph jispiċċa fit-tieni post bl-aħjar ħin ta' 3 minuti 35.55 sekondi filwaqt li Ian jispiċċa fit-tielet post b’ħin ta' 3 minuti 41.75 sekondi. Fir-raba' post jispiċċa John Attard fuq KTM b’ħin ta' 3 minuti u 44 sekonda.
Fi Klassi Ċ bil-muturi Trials, iż-żewġ sewwieqa Għawdxin iddominaw din il-klassi, b’Renato Mizzi fuq Beta jirbaħ b’ħin ta' 4 minuti 23.06 sekondi. Huwa kien segwit minn Josmar Mizzi fuq Gas Gas b’ħin ta' 8 minuti 25.04 sekondi.
Il-ġurnata Overall għat-tielet darba dan l-istaġun intrebħet minn Matthew Gauci bl-aħjar ħin ta' 3 minuti 22.58 sekondi.
Ir-Runner Up, Joseph Scicluna fuq KTM irregistra ħin ta' 3 minuti 35.55 sekondi.