Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, appella fuq Facebook biex isib lill-persuna li bagħtet informazzjoni lill-ommu f’April 2017.
Huwa appella biex din il-persuna tagħhmel kuntatt miegħu permezz ta’ pjattaformi siguri peress li din il-persuna kienet għaddiet informazzjoni lil Daphne dwar telefonati mingħand Keith Schembri u persuni oħrajn.
Caruana Galizia qal li dan il-kuntatt huwa importanti. Jidher li iben Daphne ma jafx min hu dan is-sors u għaldaqstant ippubblika l-kuntatti ta’ fejn jistgħu jagħmlu kuntatt miegħu fuq Threema u Signal li t-tnejn huma żewġ pjattaformi siguri tal-komunikazzjoni.
Mhux magħruf x’informazzjoni seta’ kellha din il-persuna dwar Keith Schembri li dak iż-żmien kien jokkupa l-pożizzjoni ta’ Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Ix-xahar ta’ April kien eżatt qabel ma tħabbret id-data tal-elezzjoni bikrija li saret f’Ġunju 2017.