Mater Dei: Katalista iżda sewa iżjed milli previst – l-Awditur Ġenerali

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara stqarr li filwaqt li l-proġett tal-bini tal-Isptar Mater Dei kien katalista biex trasforma s-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa f’Malta, il-proġett kien ikkaratterizzat minn problemi ta’ kwalità, spejjeż ogħla minn dawk prevvisti u oħrajn ta’ skadenzi.

F’rapport li tpoġġa fuq il-medja tal-kamra tar-rappreżentanti, Deguara qal li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għamel paragun bejn il-flejjes li ntefqu fuq il-bini ta’ Mater Dei u dawk li ntefqu fuq il-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. L-investigazzjoni li saret fuq it-talba l f’Lulju 2018 mill-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna u li ssegwi r-rapport preċedenti li sar dwar dan is-suġġett f’Mejju 2018, sab li l-ispejjeż ta’ Mater Dei għal kull metru kwardru qabżu dawk taċ-ċentru tal-Onkoloġija bi 30%. Ġie stmat li l-ispejjeż tad-disinn u l-kostruzzjoni ta’ Mater Dei kienu ogħla b’€97 miljun. L-awditur qal li Mater Dei sewa €583 miljun u l-ispejjeż totali għad-disinn u l-kostruzzjoni tiegħu qabżu l-valuri kuntrattwali oriġinali b’madwar ħames darbiet. L-awditur ikkonkluda li l-ispejjeż tal-isptar qabżu l-benchmarks internazzjonali relatati mal-ispazju għal kull sodda.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali dwar il-proġett tal-Isptar Mater Dei kkonfermat għal darba oħra l-falliment fil-kontabbilità u l-governanza fi żmien l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Il-PL qal li l-investigazzjoni supplimentari fuq il-bini tal-Isptar Mater Dei tikkonferma wkoll dak li sejjaħ inkompetenza u s-serq ta’ miljuni kbar ta’ flus mill-poplu Malti u Għawdxi fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti.