60 midruba fin-nar li ħakem lukanda lussuża f’Dubaj

Aġġornata 23:00
L-Awtoritajiet f’Dubaj qed jinvestigaw x’wassal biex lukanda lussuża ta’ 63 sular tieħu n-nar waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena.
Tobba qalu li 60 persuna indarbu u raġel sofra attakk tal-qalb riżultat tal-inċident fil-lukanda Address Downtown.
Jidher li l-lukanda ħadet in-nar għall-ħabta tad-9:30pm. Sorsi qalu li n-nar beda f'residenza fl-20 sular wara li xi purtieri ħadu n-nar.
Minkejja n-nirien, spettaklu tal-logħob tan-nar li kien qed jilqa’ s-sena l-ġdida minn fuq torri ftit passi ‘l bogħod, baqa’ għaddej normali.
Minkejja li ħaddiema tat-tifi tan-nar ikkontrollaw in-nirien, sa dalgħodu l-lukanda kienet għadha qed taqbad u d-duħħan kien għadu ħiereġ mis-sular 20.
Ritratti meħuda fuq ġewwa tal-lukanda juru l-ħerba li ħallew in-nirien li nfirxu fi ftit ħin.