Mat-8,000 persuna m’għadhomx dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali – rapport

Read in English.

8,200 persuna m’għadhomx dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. Fost dawn il-persuni, 85% baqgħu fid-dinja tax-xogħol u qed igawdu mis-sistema tat-tapering iġifieri li l-benefiċċji li kienu jieħdu jitnaqqsu gradwalment.

Bejn l-2013 u l-2019 kien hemm tnaqqis ta’ 5,000 persuna li kienu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali filwaqt li d-dħul ta’ dawn il-familji żdied €5,000. Fl-istess sitt snin kien hemm tnaqqis li 76,000 persuna li m’għadhomx f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.

Dawn iċ-ċifri ħarġu waqt il-preżentazzjoni tar-rapport li jagħti ħarsa lejn is-snin 2013-19; dak tal-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis tal-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali. Din il-policy tnediet fl-2014, u l-għan tagħha huwa li tħares lejn il-progress u t-tibdil f’dan is-settur sal-2024.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li f’dawn l-aħħar s-snin ġew ġġenerati eluf ta’ impjiegi, dawk dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali naqsu bin-nofs u kienu indirizzati setturi diskriminatorji u tjieb aċċess għal kwalità ta’ saħħa aħjar.

Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li fl-aħħar sitt snin, ġew implimentati 93 ‘policy action’ u 469 miżura soċjali sabiex jindirizzaw u jtejbu l-qagħda soċjali ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali.  

Il-Ministru Michael Falzon qal li sar titjib fil-maġġoranza ta’ diversi setturi, speċjalment fejn jidħlu n-numri ta’ tfal f’riskju ta’ faqar u dawk meqjusa bħala materjalment severament imċaħħda. Meta wieħed iqabbel l-2019 mal-2013, isib li dawk li kienu f’riskju ta’ faqar jew materjalment severament inċaħħda naqsu b’24,000. Dawk imsemmija f’din il-kategorija ma jkunux jistgħu jaffordjaw erbgħa minn disa’ indikaturi, li jinkludu; jekk persuni jaffordjawx jieklu laħam, tiġieġ jew ħut darba f’ġimgħa, vaganza barra d-dar għall-ġimgħa, u li jixtru karozza, fost oħrajn.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musu qal li kien hemm tnaqqis ta’ 6,000 tifel u tifla mir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali u dan filwaqt li tfal li mhumiex f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali żdiedu bi 11,000. Żied li persuni li għandhom ‘il fuq minn 65 sena u jinsabu f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali żdiedu bi 11,000 filwaqt li persuni li għandhom ‘il fuq minn 65 li jaqgħu fil-kategorija ta’ severament materjalment imċaħħda naqsu bi 3000.

Il-Ministru Michael Falzon qal li, għalkemm sar xogħol kbir fil-ġlieda kontra l-faqar, fadal xi jsir. Huma enfasizza li l-missjoni tal-gvern, li jemmen fil-ġustizzja soċjali, u ma tiqafx hemm, u jara li titwettaq is-solidarjetà soċjali.

Qal li fil-Baġit għas-sena 2021 hemm miżuri li jindirizzaw fejn hemm bozza ħamra, bħal eżempju fejn hemm persuni 65+ li żdiedu fir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Fost oħrajn, semma ż-żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet, il-benefiċċju ta’ suppliment ta’ €150 addizzjonali fis-sena, li se jingħaddu l-bollol qabel id-dsatax-il sena sabiex ikunu eleġibbli għall-pensjoni, il-faċilità ta’ carer full-time, kif ukoll l-għotja għal dawk il-persuni li jibqgħu fil-komunità.