​Mat-350 entità u individwi kkonsultati dwar il-kera – Galdes

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li diġà ġew ikkonsultati madwar 350 entità u individwi li għandhom interess dirett jew indirett fis-settur tal-kera bħala parti mid-diskussjonijiet b’rabta mal-white paper fuq il-kirjiet.
Galdes qal dan waqt laqgħa li kellu ma’ rappreżentanti ta’ 17-il għaqda soċjali li fil-jiem li għaddew tkellmu dwar il-ħtieġa tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-kera.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes irringrazzja lir-rappreżentanti tal-għaqdiet għar-rwol proattiv li ħadu biex isemmgħu leħinhom dwar l-isfidi ta’ dan is-settur. Huwa qal li l-Gvern se jkun qed jikkunsidra l-proposti tagħhom flimkien ma’ oħrajn li saru minn stakeholders differenti waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni li se jkun imniedi mal-white paper.
Galdes temm jgħid li l-għan tal-white paper tibqa’ dik li tipprovdi xenarju li joffri stabbiltà kemm għas-sidien kif ukoll għal min jikri.