Mat-3,000 persuna tpoġġew fi kwarantina – Dr Melillo

Dr Tanya Melillo, konsulent fil-Mediċina fil-qasam tas-Saħħa Pubblika, qalet li wara l-każi li tfaċċaw fil-pajjiż matul din il-ġimgħa, mat-3,000 persuna kellhom jitpoġġew fi kwaratina mandatorja sakemm isirilhom l-iswab test għall-coronavirus.

Melillo qalet dan waqt li kienet intervistata mill-ġurnalist Beppe Galea fuq Newsbook.com.mt lbieraħ waranofsinhar. Melillo spjegat li filwaqt li issa l-iswabbing qed isir b’mod aktar mgħaġġel, il-pressjoni fuq it-tim tal-contact tracing żdiedet aktar. Hi rrimarkat li għall-persuni li għandhom is-sintomi, l-iswabbing qed isir b’mod aktar mgħaġġel. Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat infetħu żewġ ċentri tal-iswabbing ġodda biex b’hekk issa fil-pajjiż hawn total ta’ sitta. Dan wassal sabiex it-testing li jsir ta’ kuljum jitla’ għal aktar minn 2,000.

Aktar testijiet, ifisser li se jkunu identifikati aktar każi pożittivi fl-istess perjodu. Melillo spejgat li minħabba f’hekk qed ikun hemm ħafna xogħol b’lura fejn jidħol id-dipartiment tagħha, li huwa dak tal-contact tracing. Spjegat li meta jkun hemm każ pożittiv, it-tim tal-contact tracing irid iċempel lil din il-persuna u minn hemm isir jaf eżatt x’għamlet, fejn marret u ma’ min iltaqgħet. Qalet li minn hemm, it-tim jibda jċempel lill-kuntatti tal-persuna wieħed wieħed.

Fejn jidħlu r-riżultati tal-iswab tests, Melillo spjegat li dak li jkun qed ikollu jistenna ftit iktar biex jirċievi r-riżultati. Insistiet li l-proċess tal-iswabbing u l-contact tracing huwa proċess twil.

299 każ ġdid tal-coronavirus fi żmien ġimgħa

Dr Melillo qalet li bejn il-Ġimgħa u s-Sibt il-pajjiż ra total ta’ 135 każ ġdid tal-coronavirus. Intant, mit-Tnejn sal-lum, kien hemm żieda ta’ 299 każ pożittiv. Irrimarkat li kull persuna jkollha kuntatt ma’ medja ta’ 10 persuni, u hemm ħafna minn dawn il-persuni li kellhom kuntatt ma’ aktar persuni minn hekk. Qalet li dan ifisser li fi żmien ġimgħa, mat-3,000 persuna kellhom jitpoġġew fi kwarantina għax kienu kuntatt dirett ta’ persuni pożittivi għall-virus.

“Jekk ħa nkomplu b’dir-rata, bil-kuntatti kollha li qed ikollna npoġġu fi kwarantina, se nispiċċaw b’kulħadd fi kwarantina,” insistiet Melillo. Irrimarkat li l-virus qiegħed hemm barra, u hemm ċans li persuna tiltaqa’ mal-virus tmur fejn tmur.

“Jekk illum għandna 63, mela għandna d-doppju tan-nies hemm barra li jistgħu jkunu pożittivi, li għadna ma sibnihomx,” irrimarkat Melillo.

“Heddewna għax tlabnihom jibqgħu fi kwarantina”

Dr Melillo tkellmet ukoll dwar id-diffikultajiet li jaffaċċja t-tim tal-contact tracing meta jkun qed iċempel lill-kuntatti ta’ persuni pożittivi. Irrimarkat li huma jkunu qed jagħmlu xogħolhom iżda ħafna dan ma jqisuhx, tant li jispiċċaw jheddu, jgħajru u joffendu lill-persuna li tkun ikkuntattjathom bħala protokoll madwar il-contact tracing.

Hi nsistiet li jekk xi ħadd għamel test, ma jfissirx li jista’ jkompli b’ħajtu normali sakemm jirċievi r-riżultat. Spjegat li hemm persuni li jagħmlu t-test, imbagħad jiltaqgħu ma’ persuni oħrajn, imorru għax-xogħol, imorru xi BBQ, jew jagħmlu affarijiet oħrajn qabel ma jkunu rċevew ir-riżultat. Qalet li mbagħad, dawk li joħorġu pożittivi, ikun hemm ammont akbar ta’ contact tracing li jrid isir milli kien ikun neċessarju.

“Dan xogħolna. Qed nagħmlu ħilitna biex naqbdu l-każi pożittivi kemm jista’ jkun malajr u l-marda ma tkomplix tinfirex. Naħdmu mit-Tnejn sal-Ħadd, imma n-nies mhux qed jagħmlu l-parti tagħhom,” irrimarkat Melillo.

Għandha tissejjaħ Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika?

Melillo sostniet li m’hemmx għaliex tissejjaħ Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika għax dik tintuża meta jkun hemm bżonn li pajjiż imur għal lockdown. Qalet li l-miżuri qegħdin hemm, huma parti mil-liġi, imma n-nies mhux qed isegwuhom. Sostniet li ħafna qed joħorġu u jiltaqgħu ma’ nies differenti, min ma jilbisx il-maskra u min ma jilbisx il-maskra sew. “Il-miżuri li hemm jagħmlu differenza,” insistiet Melillo.

Każijiet impurtati minn Londra, Amsterdam u Spanja

Melillo tkellmet ukoll dwar minn fejn qed ikunu impurtati l-każi tal-coronavirus u fost l-oħrajn semmiet li kien hemm każi li ġew minn Londra, minn Amsterdam u minn Spanja. Semmiet ukoll kif qed ikun hawn barranin li jiġu Malta għal vaganza u jmorru lura pajjiżhom infettati.

Irrimarkat li s-sitwazzjoni bdiet hekk kif kien hawn ftit turisti li ġew Malta bil-virus u dawn kienu qed imorru postijiet tad-divertiment, bħal Paceville, fejn ikun hemm folol kbar, inkluż għexieren ta’ Maltin. Qalet li hemm in-nies ikunu qed imissu ma’ xulxin, u meta jiġri hekk, il-virus jibda jinfirex b’mod aktar faċli. Sostniet li saħansitra hemm persuni li jaħdmu fl-istess stabbilimenti li spiċċaw pożittivi.

Il-coronavirus f’Għawdex

Il-konsulent qalet li f’Għawdex ukoll hemm każijiet tal-coronavirus, iżda dawn huma inqas milli hawn f’Malta. Irrimarkat li l-agħar huwa meta jkollok gruppi kbar ta’ ħbieb, minn familji differenti li jitilgħu Għawdex flimkien. Qalet li minkejja li l-każijiet f’Għawdex huma inqas, dan ma jfissirx li mhux se jinstabu aktar każijiet minn Maltin li marru Għawdex għal xi jiem f’xi farmhouse jew weekend break.