Mat-300 ħaddiem jinqabdu bla ktieb tax-xogħol kull xahar

Il-Jobsplus qalet li kull xahar issib bejn 200 u 300 ħaddiem mingħajr ktieb tax-xogħol f’negozji differenti. Dan jirriżulta minn mal-400 spezzjoni fix-xahar. 
Dan qalu ma’ Newsbook.com.mt, Il-Kap Eżekuttiv tal-Jobsplus Clyde Caruana. 
F’dawn il-jiem ġie rrappurtat li 31 impjegat mill-71 li jaħdmu fis-Suq tal-Belt kienu qed jaħdmu b’mod illegali.
Ma’ Newsbook.com.mt, Caruana spjega kif kull ħaddiem, irrispettivament minn nazzjonalità tiegħu, għandu jkollu dokumenti ta’ ingaġġ. Kompla jgħid li jekk wieħed ma jkollux dan id-dokument, jitqies li qed jaħdem b’mod illegali. Jinsisti wkoll li huwa l-obbligu ta’ min iħaddem li jagħraf jimxi mal-proċeduri.
Kompla jgħid kif meta ħaddiem jinqabad jaħdem mingħajr ktieb wara spezzjonijiet tal-Jobsplus, l-entità timmulta u tordna lil min iħaddem biex jirregolarizza ruħu. 
Caruana spjega li meta jiġu persuni minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea sabiex jaħdmu Malta, huma mitluba jsegwu l-istess proċedura bħall-Maltin. Min-naħa l-oħra, spjega li ħaddiema minn barra l-UE, jkunu jridu japplikaw għas-single permit
Skont is-sit Lovin Malta, 17 mill-ħaddiema illegali fis-Suq tal-Belt kienu ġejjin mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li 14 minn barra l-Unjoni.  Dwar dawn iċ-ċifri Caruana ma kkummentax. 
Ikkonkluda billi qal li, għajr xi eċċezzjonijiet żgħar, il-ħaddiema illegali li jsibu l-Jobsplus huma kollha barranin, bil-maġġoranza tagħhom mill-Unjoni Ewropea.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott