Mat-3,000 impjieg ma jimtlewx kull sena

Man on computer

Studju ġdid maħruġ mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta sab li bejn 2,000 u 3,000 impjieg ma jimtlewx kull sena.
Il-Policies Executive fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ, Nigel Mifsud, spjega li filwaqt li ħaddiema Maltin dejjem baqgħu l-ewwel preferenza ta’ min iħaddem, il-Gżejjer Maltin waslu f’sitwazzjoni fejn mhux qed ikunu jistgħu jiddependu fuq ir-riżorsi tagħhom stess sabiex ilaħħqu mad-domandi tal-ekonomija. Dan qed iwassal għal problemi fejn jidħol l-iżvilupp sostenibbli.
L-istudju bl-isem ta’ ‘The Labour Market in 2018 and Beyond -Demographics and Trends Characterising Malta’s Labour Market and Workable Proposals To Alleviate Labour Gap Pressures’, ġie kkumpilat mill-unit tal-policies fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ.
Fil-preżentazzjoni tiegħu, Mifsud kompla jgħid kif Malta bħalissa għandha l-akbar ammont ta’ ħaddiema li qatt kellha, l-akbar grupp ta’ ħaddiema barranin u l-anqas rata ta’ qgħad.
Spjega li r-rapport qed joffri pjan ġenerali għall-awtoritajiet sabiex jassiguraw li l-affarijiet kollha neċessarji biex l-ekonomija tal-pajjiż tkompli tikber ikunu f’posthom u qed jiffunzjonaw b’mod sħiħ.