Massakru f’Perugia

Straġi mdemmija seħħet f’Perugia wara li ċertu Andrea Zampi ta’ 40 sena daħal f’uffiċji tar-Reġjun ta’ Umbria, spara lejn żewġ impjegati u wara spara lilu nnifsu.

Waħda mill-impjegati tinsab fil-periklu tal-mewt, filwaqt li l-oħra mietet fuq il-post. L-inċident seħħ fir-raba’ sular tal-binja, fis-settur tat-taħriġ.

Zampi kien negozjant bi dħul medju. Riċentement il-Gvern neħħa b’mod temporanju l-akkreditazzjoni lill-aġenzija ta’ taħriġ tal-ġenituri ta’ tiegħu. Jidher li Andrea Zampi ħadha bi kbira wisq, tant li waqt intervista li għamlulu studenti minn skola tal-ġurnaliżmu, stqarr li huwa bniedem spiċċut.

Waqt din l-intervista innoċenti dwar it-taħriġ, Zampi tkellem dwar il-proċess burokratiku li bih ġew sospiżi fondi ta’ €160 elf li kienu diġà ngħataw lill-familja tiegħu.

Fl-uffiċji tar-Reġjun kien hemm mumenti ta’ biża kbira. Malli Zempi beda jispara, ħafna ħaddiema fil-blokka semgħu t-tiri u ssakkru fl-uffiċji. Oħrajn ġrew lejn il-kmamar tal-banju u ssakkru hemm. Uħud provaw isibu kenn taħt l-iskrivaniji.

Mill-ewwel stħarriġ jirriżulta li l-qattiel tefa’ xi karti b’kitba bil-kompjuter fuq l-iskrivaniji taż-żewġ ħaddiema, qabel sparalhom. Għadu mhux magħruf x’kien fihom dawn il-karti.