Massakri feroċi fl-Iraq

Tnax il-persuna ġew imsakkra f’gaġġa, twaddab fuqhom il-petrol u ngħataw in-nar ħajjin. B’dan il-mod feroċi inqatlu dawn il-persuni Iraqini, li fosthom kien hemm familja sħiħa, taħt idejn il-militanti tal-ISIS.
Il-każ seħħ f’Kuwaayja, belt fejn għad hemm reżistenza mill-Jihad, meta dawn it-tnax il-persuna kienu qed jippruvaw jaħarbu mill-pajjiż. Sadattant il-ġlied qed ikompli fejn suldati Iraqini qed jippruvaw jieħdu lura kompletament il-belt ta’ Mosul minn idejn ġellieda tal-ISIS. F’dan il-ġlied nhar l-Erbgħa li għadda inqatlu seba’ nisa li kienu lesti biex iwettqu attakki suwiċida.
Il-kmandant tal-Armata Iraqi fl-inħawi qal li fl-aħħar ġranet kien innutat li numru ta’ nisa kien qed jikkummettu azzjonijiet terroristi billi jisplodu lilhom infushom f’postijiet fejn ikun hemm nies ċivili anke qrib knejjes u moskei.  F’dawn l-attentati mietu jew sfaw feruti diversi persuni fosthom suldati.
Uħud minn dawn in-nisa kamikaze splodew lilhom infushom anke meta kienu qrib numru ta’ familji li kienu qed jippruvaw jaħarbu mill-belt biex isibu kenn mill-ġlied li hemm. Il-kmandant iddeskriva dawn l-attakki bħala krudili u viljakki li qed isiru bil-ħsieb li joqtlu kemm suldati kif ukoll ċittadini ordinarji.
Il-ġlied kontra l-ISIS issa qed jinfirex u qed joħloq inkwiet anke fil-Ġordanja tant li l-Gvern ta’ Amman saħħaħ is-sigurta fuq il-fruntiera minħabba l-biża’ li ġellieda tal-ISIS jippruvaw jidħlu fil-pajjiż meta jkunu qed jaħarbu minn Mosul u Raqqa, inkeċija mill-militari Iraqini.