Massa ta’ studenti bla maskri jinġabru quddiem is-6th Form f’Għawdex

Sixth Form students

Read in English.

Massa ta’ żgħażagħ inġabru quddiem l-iskola Sir M.A. Refalo fir-Rabat, Għawdex fejn jattendu għas-6th Form. Sorsi ta’ Newsbook.com.mt spjegaw li dawn la kienu lebsin maskri u mir-ritratti jidher b’mod ċar li lanqas ma kienu qed josservaw il-miżuri dwar id-distanza soċjali. Propju llum kien l-ewwel jum li għalih attendew l-istudenti tal-ewwel sena tas-6th Form.

Minkejja li l-iskola tinsab biss żewġ minuti ‘l bogħod mill-Għassa tal-Pulizija permezz ta’ karozza, jew seba’ minuti ‘l bogħod jekk tmur bil-pass, kelliema għall-Pulizija spjegat ma’ Newsbook.com.mt li ma daħal l-ebda rapport dwar dan.

Intant, Newsbook.com.mt għamel kuntatt mas-Surmast tal-iskola għar-reazzjoni tiegħu dwar il-każ u biex jikkjarifika x’inhuma l-miżuri ta’ mitigazzjoni li qed tieħu l-iskola biex il-firxa tal-virus tkun ikkontrollata.

F’ċirkulari li ntbagħtet lill-istudenti tal-ewwel sena fl-1 ta’ Ottubru, kien spjegat li s-sena skolastika tagħhom kellha tibda llum, fit-8am. Fl-ewwel siegħa, l-istudenti kellhom iċ-ċans jiffamiljarizzaw lilhom innifishom mal-iskola. Intant, l-ewwel lezzjoni bdiet fid-8.55am u hemm kellhom telefonata virtwali mal-Kap tal-Iskola u l-erba’ Assistenti Kapijiet.

Fl-ittra lill-istudenti, il-Kap tal-iskola Daniel James Cassar qal li l-istudenti se jkollhom taħlita ta’ lezzjonijiet fil-klassi u online. Jidher li anke jekk l-għalliema, minħabba kundizzjonijiet ta’ saħħa, se jkollhom jagħmlu l-lezzjonijiet tagħhom mid-dar, l-istudenti jridu jmorru fil-klassi xorta waħda u jsegwu l-lezzjoni b’mod virtwali minn hemm.

Intant, f’ittra li ntbagħtet lill-istudenti tat-tieni sena, kien hemm ftit aktar dettall dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni li daħħlet fis-seħħ l-iskola. Dawn jinkludu:

  • L-istudenti se jkollhom jużaw taraġ separat biex jitilgħu jew jinżlu s-sulari fl-iskola, ħlief għat-taraġ li hemm fis-Science Wing.
  • L-istudenti intalbu jaħslu idejhom ta’ spiss u jużaw il-hand sanitizer li jinsab disponibbli f’żoni differenti madwar l-iskola.
  • L-istudenti ntalbu jilbsu maskra u joqgħodu lura milli jagħmlu kuntatt ma’ xulxin.
  • Studenti li jħossuhom ma jifilħux qed jintalbu ma jmorrux għal-lezzjonijiet.
  • L-istudenti għandhom jevitaw milli jaslu kmieni għall-iskola u mal-wasla tagħhom immedjatament imorru fil-klassi fejn għandhom l-ewwel lezzjoni.
  • L-istudenti jistgħu jixtru ikel u xorb mill-canteen iżda ma jistgħux jibqgħu jieklu ġewwa.

Din l-istess lista iżda ma kinitx inkluża fl-ittra li hemm ippubblikata fuq il-website tal-iskola u li għaddiet għand l-istudenti tal-ewwel sena.

Is-sitwazzjoni fuq il-vapur ta’ Għawdex

Intant, sitwazzjonijiet similarment allarmanti dehru fl-aħħar ġimgħat anke fuq il-vapur ta’ Għawdex. Minkejja struzzjonijiet ċari li wieħed għandu jilbes il-maskra waqt li jkun fuq l-istess vapur, sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal qalu li qed ikun hemm diversi persuni li mhux qed ikunu lebsin maskra. Dan jidher xhieda wkoll f’ritratti li rċeviet din il-kamra tal-aħbarijiet.

Intant, sorsi infurmati ta’ Newsbook.com.mt spjegaw li passiġġiera li jitilgħu fuq il-vapur bil-karozza personali tagħhom, qed jitħallew jagħmlu dan mingħajr ma jkunu lebsin maskra.