Mass Meeting tar-rebħa Laburista

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li Gvern ġdid immexxi minnu hu impenjat li jibqa’ jaħdem f’tijm maqgħud, saqajh mal-art daqslikieku rebaħ b’vot wieħed biss. Ħeġġeġ biex meta xi ħadd jinnota li xi ħadd tibda tikbirlu rasu, ikellem lilu personali għax qal li hu l-garanti ta’ dal-Gvern li jrid jassigura li jħassar għal kollox mid-dizzjunarju politiku tal-pajjiż il-kelma ‘arroganza’. Qal li dak immexxi minnu se jkun Gvern li jservi spalla ma’ spalla ma’ kull ċittadin Malti u Għawdxi, partikolarment man-negozjanti u mal-investituri. Lil dawn tal-aħħar stedinhom jersqu ‘l quddiem bl-ideat tagħhom sabiex fil-pajjiż jitkattar ix-xogħol. Dr Muscat qal li bħala l-Partit Laburista kkampanja bħala Moviment, u hekk se jiggverna. Stqarr li hu kburi b’dawk kollha li ġimgħa ilu urew li ma kinux spettaturi imma protagonisti.

Iktar kmieni:

20.50 Dr Joseph Muscat itemm jindirizza l-mass meeting Fuq il-Fosos tal-Floriana.

20.45 L-ewwel sigħat ta’ dal-Gvern urewkom li mhux se jiddispjaċikom. Dan hu Moviment li mhux se jispiċċa issa wara l-elezzjoni. Ikkampanjajna ta’ Moviment u hekk se niggvernaw. Urejna lill-Ewropej din il-ġimgħa li aħna, b’realiżmu, se nibqgħu nikkontribwixxu lill-Ewropa. Dan hu n-nazzjon ta’ Ġorġ Borg Olivier, ta’ Duminku Mintoff. Dan hu n-nazzjoni li kiber b’maturita – biex is-sena d-dieħla jiċċelebra l-anniversarji tal-ħelsien, ir-repubblika u l-indipendenza.

20.43 Dan hu Gvern bla arroganza. Din se jkun qed iħassarha mid-dizzjunarju politiku. Dan hu Moviment li se jħares lejn dak li jgħaqqadna. Insellem lill-veterani, lis-suldati tal-azzar li ilhom jivvutaw lill-Partit Laburista mis-sittinijiet u nirringrazzjahom. Meta tara d-dimensjoni tar-riżultat, tirrealizza li dan ma seta’ qatt inkiseb mingħajr l-eluf li vvutaw għall-ewwel darba.

20.40 Illum temmejt l-eżerċizzju li nitkellem ma’ kull min ġie elett. Rajt li kull wieħed hu impenjat li jaħdem f’tijm wieħed maqgħud. Insellem minn hawn lil dawk li se jservu bħala Segretarji Parlamentari. Dan il-Gvern se jibqa’ b’saqajh mal-art daqslikieku rebaħ b’vot wieħed biss. Hu Gvern li se jibqa’ jiġri wara kull wieħed. Kellmu lili personali jekk taraw li xi ħadd tkun qed tikbirlu rasu għax jien il-garanti ta’ dal-Gvern.

20.29 Is-Sibt tal-ġimgħa li għadda kellkom quddiemkom tijm maqgħud. Hekk se jibqa’. Nirringrazzja minn qalbi lill-kandidati kollha li kkontestaw. Dan ir-riżultat huwa tagħhom għax ħadmu għalih dar dar u bieb bieb. Insellem lil dawk li ma ġewx eletti. Ngħidilhom li posthom hu f’dan il-Gvern. Impenjat li kulħadd isib postu f’dal-Gvern. Insellem lid-39 membru parlamentari Laburisti, servi tal-poplu – li kulħadd se jsibna hemm spalla meta kulħadd jiġi bżonn għax hekk titlob is-serjeta.

20.36 Ħdmina bil-għaqal fil-kampanja elettorali u fil-ħames snin li ġejjin u se nwettqu bil-għaqal. Il-messaġġ tiegħu hu wieħed pożittiv – l-ewwel lil min jinsab wara x-xogħol. Ngħidilkom ejjew ‘il quddiem bl-ideat għax dan il-Gvern hu pro-business. Fina, negozjanti u investituri, se ssibu spalla. Waħda mill-ewwel azzjonijiet fiż-żmien li ġej se tkun li nagħmlu sejħa għal proġetti nazzjonali ġodda li minnhom igawdu l-familji kollha f’Malta u anki f’Għawdex.

20.34 Hija ġimgħa li ħassejtha sena, imma ma rrid inkun imkien iżjed jekk mhux fostkom. Gvern ġdid se jara li min ħa deċiżjonijiet ħżiena, jerfa r-responsabbilta ta’ dawk id-deċiżjonijiet. Gvern ġdid hu kommess li jsewwi l-inġustizzji li saru tul is-snin, mingħajr ma jagħmel inġustizzji ġodda. Ma ġejtx biex nilmenta x’sibna u ma sibniex…anki jekk ma tantx sibna, imma xogħlna hu kif se mmexxu ‘il quddiem. Dak li wegħdna se nwettquh għax pożittivi.

20.33 Id-deċiżjoni li ħadtu li tkunu protagonisti, kienet deċiżjoni storika li ma tħalli ebda dubju. Inħoss il-piż tar-responsabbilta, pero kuntent ħafna biha u se nwettaq dmiri f’din ir-responsabbilta.

20.32 Irrispettajna l-fehma ta’ kulħadd u dan il-poplu, flimkien mal-Gvern li qed immexxi għall-ħames snin li ġejjin, qed juri li kapaċi jimxi b’serenita, fejn nuru li lkoll aħna aħwa Maltin, ulied din l-art ħelwa.

20.31 “Kemm jien kburi bikom illi bħal-lum ġimgħa għażiltu li flok spettaturi, kontu protagonisti. Urejna li dan il-poplu lest li jieħu d-deċiżjonijiet lejn bidla fid-direzzjoni, lest li jingħaqad u juri l-maturita tiegħu.

20.30 Jingħata merħba fuq il-palk ewlieni l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat biex jindirizza l-folla preżenti. Jitħabbar li s-Sibt li ġej se jitfakkar l-34 anniversarju mill-Ħelsien, segwit miċ-ċelebrazzjonijiet tal-1 ta’ Mejju.

20.20 Jindirizza lill-folla Louis Grech, Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament.

20.10 Jindirizza lill-folla Dr Toni Abela, Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit.

18.30 Tinġabar il-folla Fuq il-Fosos tal-Floriana għall-mass meeting li se jiċċelebra r-rebħa li l-Partit Laburista għamel fl-elezzjoni ġenerali tad-9 ta’ Marzu. Bħalissa diversi kantanti qed jagħtu gost lill-folla miġbura. Qabel id-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat, illum mistennija jindirizzaw il-folla ż-żewġ deputati mexxejja, id-Deputat Prim Ministru Louis Grech u Dr Toni Abela.

Ritratti: Daniel Balzan

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.