Awdjo: Mass Meeting tal-PN fin-Naxxar

Il-Prim Ministru u Kap Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi qal li hemm kompliċità sħiħa bejn il-mexxej Laburista Dr Joseph Muscat u d-deputat tiegħu Dr Toni Abela għaliex dawn ma ħadux azzjoni meta kienu jafu b’reat kriminali. Waqt li ndirizza mass meeting tal-PN fin-Naxxar, Dr Gonzi żied jgħid li minħabba f’hekk, il-pożizzjoni ta’ Dr Muscat u Dr Abela ma għadhiex aktar tenibbli. Għadda biex jelenka diversi kisbiet tal-PN fl-aħħar ħames snin fil-gvern fosthom fil-qasam tas-saħħa, ambjent u fl-edukazzjoni. Qal li r-rebħa tal-Partit Nazzjonalista hija viċin iżda għad hemm ħafna xogħol x’isir. Semma kif il-PN huwa l-għażla naturali biex il-pajjiż jibqa’ joħloq ix-xogħol, u sabiex l-edukazzjoni tibqa’ fil-qalba tal-politika.

17.27 Nawguralkom li sad-9 ta’ Marzu nibqgħu b’saħħitna ħalli nivvotaw għall-pajjiż li jrid verament futur fis-sod

17.23 Kompliċità sħiħa bejn Dr Toni Abela u Dr Joseph Muscat – imma jekk jieħu azzjoni kontra Dr Abela, Dr Muscat jaf li huwa wkoll ikollu jitlaq mill-Partit Laburista. Li jinħeba reat ta’ droga twassal lit-tnejn li huma f’pożizzjoni li ma għadhiex aktar tenibbli. Il-Partit Laburista tilef ir-ruħ tiegħu u l-iskop politiku għaliex kien twaqqaf. Ipprova jikkopja lill-PN iżda l-kopja ħarġet ħażin. Min irid isib lin-Nazzjonalisti oriġinali u ta’ vera irid jiġi għandna

17.18 Irrid insemmi dwar skandlu ieħor marbut ma’ Dr Joseph Muscat. Huwa li jrid ikun il-Prim Ministru ta’ Malta meta ħeba reat kriminali li jinvolvi traffikar ta’ droga li skont il-liġi tal-pajjiż, jista’ jwassal għal sentenza ta’ għomor il-ħabs. Li tasallu informazzjoni bil-miktub dwar reat b’rabta ma każin tal-PL f’Ħal Safi, u Dr Muscat ma jirrapporta xejn lill-Pulizija. Imissu jistħi. Ma jistax jersaq biex ikun il-PM ta’ Malta. Il-poplu Malti ma jridx PM li jaħbi reati bħal dawn biex ma jċappasx lill-partit tiegħu. Dan huwa l-aktar livell baxx tal-politika

17.15 Il-Kummissjoni Ewropea tatna l-aqwa ċeritifikat. Kemm jixtieq Dr Joseph Muscat li dan ir-riżultat inkiseb minnu! Imma dan ir-riżultat wasal għaliex ma smajniex minn Dr Muscat. It-tieni l-aqwa rata ta’ tbassir ekonomiku għal din is-sena huwa ċertifikat għall-PN. Lil Dr Muscat ngħidlu – erġajt weħilt mill-eżami. U fid-9 ta’ Marzu li ġej, il-poplu Malti jrid jgħid lil Dr Muscat li jrid jirrepeti l-klassi

17.12 Nirringrazzja lill-istudenti u bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, inwiegħdkom li dakinhar li tlestu mill-istudji u tiggradwaw, issibu post tax-xogħol lest għalikom. Din hija l-mira ewlenija tal-PN. Hekk kif fl-aħħar ħames snin għelibna l-mewġ kollu, anka fis-snin li ġejjin se nkomplu nirbħu għall-ġid tal-pajjiż. Kuraġġ – intenni li flimkien kollox possibbli

17.07 Niġġieldu kontra x-xogħol prekarju biex kulħadd ikollu l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol. Fl-oqsma tas-servizzi finanzjarji u tat-turiżmu huma kollha frott il-ħidma tal-PN fil-gvern

17.05 Is-sewwa jirbaħ żgur. Għall-PN in-newtralità ma tfissirx li nibqgħu inħarsu iżda li nħarsu l-valuri u ngħinu pajjiżi oħra. Se ntukom pajjiż b’ekonomija b’saħħitha u issa l-għażla hija f’idejkom biex tafdaw it-tmexxija tiegħu. Tajnikom pajjiż sigur li joffri kwalità ta’ ħajja komda. Eluf ta’ nies dalgħodu żaru l-Park il-ġdid ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala fejn il-PN biddel miżbla f’post ta’ rikreazzjoni

17.04 Saħħa – ħames snin ilu sptar Mater Dei ġdid u llum diġa’ qed inlestu biex inkomplu ninvestu fis-saħħa

17.03 Toroq ġodda – 16km ta’ toroq tal-aqwa livell

17.02 Ħidma fil-qasam tal-ambjent – il-baħar illum huwa fost l-aqwa kwalità fil-Mediterran

17. 00 Illum għandna wkoll 5,943 żagħżugħ u żagħżugħa jiggradwaw kull sena

16.59 Fl-MCAST għandna 6,500 student full-time u l-PN qed jipprepara kampus ġdid biex din iċ-ċifra tkompli tikber

16.58 Illum hemm 135,000 persuna fid-dinja tax-xogħol. Rekord ieħor fil-qasam tax-xogħol fosthom 44,000 mara li daħlu fid-dinja tax-xogħol

16.53 Il-PN huwa l-għażla naturali biex il-pajjiż jibqa’ joħloq ix-xogħol, biex l-edukazzjoni tibqa’ fil-qalba tal-politika. Dawk li m’humiex deċiżi iridu jfhmu li aħna qiegħdin hawn biex nagħtu l-enerġija tagħna ħalli nimxu ‘l quddiem. Aħna ma nerbħux l-elezzjoni mhux bi dritt iżda għaliex il-poplu Malti jagħtina l-fiduċja

16.50 Jibda d-diskors tiegħu il-Kap Nazzjonalista. Jgħid li r-rebħa hija viċin iżda għad hemm ħafna xogħol x’isir

16.25 Jinda jindirizza l-folla l-Viċi Kap Nazzjonalista Dr Simon Busuttil

15.24 Il-folla tibda tinġabar fin-Naxxar bi thejjija għall-wasla u d-diskors tal-Kap Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi

Ritratti: Stefan Pullicino