Awdjo: Mass Meeting tal-PL fl-Imqabba

F’attivita tal-massa fl-Imqabba, il-Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Joseph Muscat, appella biex fit-tnax-il jum li fadal għal tmiem din il-kampanja elettorali, l-ikbar għażla tibqa’ bejn il-politika ta’ negattivita u dik ta’ pożittivita. Qal li l-partit immexxi minnu ma jarax lin-nies skont il-kulur ta’ wiċċhom imma skont il-kapaċitajiet tagħhom, mhux lil min taf, imma x’taf. Qal li l-Partit Laburista se jibqa’ jkun pożittiv u jħalli t-tfigħ ta’ tajn għal ħaddieħor. Fisser li l-enerġija tal-Partit timmanifesta ruħha fiż-żgħażagħ, li ħa l-opportunita jirringrazzjahom, partikolarment lil dawk tal-MCAST u tal-Universita, talli qal li qed juru li qed jemmnu l-ħtieġa tal-bidla. Appella biex ħadd ma jibża’ mill-attakki ta’ ħaddieħor bil-politika tal-passat, u żied li wasal il-waqt għal politika ġdida. L-għażla tad-9 ta’ Marzu qal li hi għażla għall-ħaddiema u wiegħed li Partit Laburista mill-Gvern jaħdem biex mhux biss jinħoloq ix-xogħol, imma jara li dan ikun ta’ kwalita, b’iktar flessibilta u li jippermetti bilanċ mal-ħajja tal-familja.

Iktar kmieni:

16.45 Konfermat li l-Mass Meeting tal-Partit Laburista l-Ħadd li ġej se jsir fuq il-Fosos tal-Floriana.

16.41 Dr Joseph Muscat jagħlaq il-Mass Meeting. Tingħaqad miegħu fuq il-palk martu, Michelle Muscat, u d-deputati mexxejja tal-Partit Laburista.

16.39 Lil dawk indeċiżi jekk jivvutawx, nappellalhom joħorġu jivvutaw lil dan il-moviment. U lil min jistaqsikom min se jemminkom, għidulu Joseph Muscat jemminna. Aħna nemmnukom, ejjew magħna, postkom magħna, tnax-il jum jifdal – għax ix-xogħol hu tagħna lkoll, għax id-drittijiet huma tagħna lkoll, għax il-politika nadifa, iż-żgħażagħ, l-għażla lil hinn min-negattiv u pajjiżna huma tagħna lkoll.

16.38 Issa hu l-waqt li nuru li dan il-moviment mhux biss mhux se jaqa’ għall-politika ta’ negattivita, iżda fit-tnax-il jum li fadal se naħdmu biex nirrenġaw l-iżbalji, biex insewwu l-inġustizzji u naraw li ma jiżdidux, biex il-moviment jinfetaħ għal nies ġodda.

16.34 Se nibqgħu nikkonċentraw fuq il-fatti, fuq dak li jinteressa lill-familji u n-negozji, fuq il-proposti pożittivi tagħna. Mhux se nħallu li xi ħadd isellifna kwart ta’ miljun ewro…x’ikun irid lura min jagħmel hekk? L-enerġija aħna nġibuha miż-żgħażagħ. Insellem lill-istudenti tal-MCAST u dawk tal-Universita, li urew li jemmnu fil-bidla. Ngħidlhom ma jibżgħux minn min qed jattakkahom. Lil min qed jattakkahom ngħidlu jħallihom jesprimu l-fehma tagħhom.

16.32 L-għażla ferm ikbar hi dik bejn żewġ tipi differenti ta’ politika…bejn in-negattivita u l-pożittivita – aħna ma nibqgħux naraw lin-nies skont il-kulur ta’ wiċċhom imma skont il-kapaċitajiet tagħhom…mhux lil min taf, imma x’taf. Aħna niqbgħu inkunu pożittivi. Mhux se nieħdu sehem fi tfigħ ta’ tajn. Inħallu dan għal ħaddieħor.

16.30 L-għażla tad-9 ta’ Marzu hi għażla għall-ħaddiema. Se naħdmu biex mhux biss noħolqu x-xogħol, imma se naraw li dan ikun ta’ kwalita, b’iktar flessibilta u li jippermetti bilanċ mal-ħajja tal-familja.

16.29 Ħaddieħor ilu jidħak b’ħaddiema partikolari bħas-suldati, il-Protezzjoni Ċivili, fost oħrajn li ħallewhom bla drittijiet. Lil dawn inwiegħduhom li se nagħtuhom id-drittijiet. Lill-pulizija se naslu fi ftehim biex nagħtuhom kumpens għas-sahra li ħadmu u ma tħallsux għaliha. Lis-self employed, li l-Gvern daħak bihom, se nħalluhom jaħdmu u nittrattawhom b’dinjita.

16.28 Dak li qed tgħid il-Kummissjoni Ewropea ma ħasadniex kif ħasad lil ħaddieħor.

16.27 Il-poplu għandu għażla bejn ħaddieħor li jwiegħed dak li ma jistax iwettaq – kif qed turih l-UE,jew moviment li qed iressaq proposti ibbażati fuq studji internazzjonali, maħdumin bil-għaqal.

16.25 Punt ieħor hu r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar tkabbir ekonomiku għal pajjiżna. Il-costings tal-wegħdi ta’ ħaddieħor huma bbażati fuq previżjonijiet għal tkabbir ekonomiku li mhumiex realistiċi. Jekk ħaddieħor jiġi elett jew ma jwettaqx li jwiegħed, jew jifqa’ għal kollox il-kaxxa ta’ Malta u jdaħħal lill-pajjiż fi problemi mal-UE, jew inkella iżid it-taxxi.

16.22 Bħal sħabi dħalt fil-politika biex nagħtu l-aqwa u l-għaqda lill-pajjiż, lil Malta Ewropea. Dan hu li jagħtini s-saħħa meta ħaddieħor jattakka bl-agħar politika tal-passat…Niġi quddiemkom ngħid li lest għar-responsabbilta biex inħallu l-aħjar wirt lil uliedna – pajjiż aktar maqgħud. Meħtieġ għalhekk proposti costed u ċerti, miġbura f’roadmap f’għoxrin priorita.

16.19 Lilna ma ssibuniex biss qabel l-elezzjoni imma tul is-snin. Jien dħalt fil-politika, mhux għall-flus, iżda biex inbiddel. Anki fejn kien hemm aktar flus u ħajja aktar komda, tlaqt kollox għax smajt l-għajta tal-poplu u nagħti kollox għal pajjiżna. Marti appoġġatni, anki jekk fisser li npoġġu l-familja tagħna t-tieni, biex pajjiżna jieħu l-ewwel post.

16.16 Kien hemm min daħak bina għax tkellimna fuq l-għoli fil-prezzijiet taż-żejt. Meta għidna li ma kienx iż-żmien li l-politiċi jieħdu ż-żidiet, kien hemm min qal li kienet deċiżjoni tajba, anki jekk jien kont konvint li kienet l-agħar deċiżjoni fl-agħar żmien possibbli. Kif jista’ jkun wieħed jieħu tali żieda ‘l fuq mill-paga tiegħu? Kif tista’ fl-istess nifs tgħolli l-kontijiet tad-dawl u l-ilma?

16.15 Kull darba li fil-politika pproponejt xi ħaġa, kont ċert li stajt inwettaqha….bħal meta ġġilidt biex jorħsu l-prezzijiet tar-roaming tal-mobiles, bħal meta għidt li l-Gvern ma setax iżomm VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-vetturi. Kont waħdi u kelli raġun. Min itteħdulu l-flus illegalment, se jkun qed jeħodhom lura taħt Gvern ġdid.

16.14 Aħna nistmerru dik il-politika tal-irkant li fiha tiġri wara n-nies minħabba l-vot…irridu politika tar-responsabbilta, bi spiża inqas minn ta’ ħaddieħor.

16.12 Xtaqt nibda b’appell illum – ejjew inkunu pożittivi, ejjew ma nħallux li l-politika taqa’ f’dal-livell…in-nies jixirqilhom dibattitu politiku aħjar li ma jattakkax politikament, dibattitu li jiddiskuti l-proposti li dwarhom jixtiequ jisimgħu n-nies…ħa jirrikorri mill-politika tal-passat min qata’ qalbu mill-futur ta’ pajjiżna, min ma jsibx xi jgħid dwar il-proposti li qed nagħmlu…nistgħu aħna nku nu pożittivi għax għandna proposti konkreti u realistiċi – wasalna għalihom flimkien

16.11 Jeqreb qiegħed il-jum li fih kull ċittadin ta’ dal-pajjiż irid jagħżel min se jmexxieh. L-aħħar jiem rajna jiem li ma tantx għamlu ġid lil pajjiżna…jiem li rajna lil min iħammeġ nies ta’ ċertu integrita.

16.10 Jibda jindirizza l-mass meeting Dr Joseph Muscat…

16.07 Il-folla tagħti merħba lill-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat

15.55 Jindirizza lill-folla preżenti John Bencini

14.15 Il-folla tibda tinġabar fi triq il-Konvoj ta’ Santa Marija tistenna l-wasla tal-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat.