Mass meeting tal-PL fix-Xagħra Għawdex

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat qal li ħamest ijiem bogħod mill-elezzjoni tad-9 ta’ Marzu, fadal iżjed ħidma xi ssir biex il-Partit Laburista jikkonvinċi lil min għadu indeċiż jew inċert. Qal li għalxejn nhar it-Tnejn wieħed jilmenta jekk nhar is-Sibt li ġej ma jagħmilx il-parti tiegħu u jivvotaw għall-bidla. Waqt mass meeting fix-Xagħra Għawdex, Dr Muscat qal li hu konvint li qatt daqs illum il-Partit Laburista ma kellu daqshekk b’saħħtu ta’ kandidati li jafu xi jħossu u xi jridu l-Għawdxin. Fi kliemu, Għawdex hu lest għall-bidla fid-direzzjoni.

Iktar kmieni:

19.00 Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat itemm jindirizza l-mass meeting fix-Xagħra Għawdex. Tingħaqad ma’ Dr Muscat fuq il-palkmartu Michelle Muscat u ż-żewġ deputati mexxejja tal-Partit, Louis Grech u Dr Toni Abela.

18.55 Ikkonvinċu ħafna nies. Morru vvutaw kmieni kemm jista’ jkun nhar is-Sibt li ġej. Isimgħuni sew, konvint li qatt daqs illum il-Partit Laburista mhu qed jippreżenta tijm daqshekk b’saħħtu li jaf x’iridu u xi jħossu l-Għawdxin. Kunu ċerti li tivvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista għax bhekk biss nistgħu nagħtu messaġġ ċar, biex Għawdex verament juri li Malta hi tassew tagħna lkoll.”

18.54 Fadlilna ħamest ijiem ta’ xogħol biex nikkonvinċu. Komplu tkellmu ma’ min għadu mhux ċert, ma’ min jaħseb li l-aħjar hu li ma jivvutax. Għidulhom li għalxejn tixtieq il-bidla jekk ma tivvutax għaliha. Kull wieħed u waħda irid jagħmel il-pass tiegħu. Ebda survey ma jgħodd daqs kemm jiswa vot wieħed.

18.51 Se naraw li l-potenzjal kbir li għandha dil-gżira jkun sfruttat. Għandna tijm maqgħud lest biex jaħdem, fejn ħadd mhu ikbar mill-kawża, kulħadd lest jissagrifika lilu nnifsu…insellem lis-Sindku Joe Cordina. Jidher diġa li ż-żejt tiela f’wiċċ l-ilma. Insellem ukoll lil sieħbi Anġlu Farrugia, inħares ‘il quddiem b’fiduċja li naħdmu flimkien. Dal-pajjiż għandu bżonn l-għaqda u dan il-Moviment qed joffri din l-għaqda lil pajjiżna.

18.50 Jidher li hemm min hu interessat jagħmel kampuses f’Għawdex, se nkomplu naraw li l-eżamijiet tal-Għawdxin jibqgħu isiru f’Għawdex. Il-Ministeru għal Għawdex se jkollu ħafna xogħol x’jagħmel biex dil-gżira terġa tqum fuq saqajha.

18.48 Irridu naħdmu ħafna mil-lat soċjali. Ma jistax ikun li d-dar tal-anzjani tibqa’ parti mill-isptar ġenerali. Se niftħu dar tal-anzjani. Kif nistgħu nittolleraw li pazjenti tal-kanċer jibqgħu jaqsmu għal Malta biex jieħdu l-kimoterapija? Irridu li dan is-servizz jibda jingħata minn Għawdex ukoll. Se nniedu pakkett sħiħ ta’ inċentivi biex is-settur privat jinvesti.

18.47 Se nkunu qed inżidu l-konnettivita bejn iż-żewġ gżejjer, u se niftħu suq totalment ġdid, fejn se ninvestu fuq Cruiseliner passenger terminal li joħloq xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

18.46 Se ninkoraġixxu negozju ġdid f’Għawdex b’tax credits. Kull min jimpjega persuna ġdida fin-negozju tiegħu f’Għawdex, se nagħtuh tax rebate. Se nagħtu wkoll inizjattivi biex min minn Għawdex irid imur jaħdem Malta nagħtuh aktar opportunitajiet.

18.45 Dan il-Moviment irid il-mobilita soċjali. Dan billi uliedna jkunu aħjar minna. Dan permezz tal-edukazzjoni u x-xogħol, partikolarment fost iż-żgħażagħ. Se noħolqu x-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.

18.42 Għadna kemm ippubblikajna dettalji bi ftehim u konklużjonijiet ta’ laqgħat li konna qegħdin nagħmlu mal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonijiet. M’aħniex inwiegħdu dak li ma jistax isir. Ta’ dan irrid nersaq quddiemkom ħames snin oħra b’kuxjenza nadifa. L-għan tagħna hu li naraw li kaċċatur Malti jkun trattat daqs kaċċatur f’pajjiżi oħra. L-istess ħaġa għall-insib. Se nkunu viġilanti. Ħadd mhu se jsibna ħajt ta’ kenn fl-illegalitajiet. Magħna tafu fejn qegħdin.

18.40 M’aħniex inwiegħdu kollox lil kulħadd. Aħna rsaqna quddiemkom, mhux b’politika tal-irkant, imma b’dak li hu bżonn għall-pajjiż, b’politika ta’ responsabbilta. Qed ngħidu li se nagħmlu biss dak li verament jista’ jitwettaq. Imbagħad niġu quddiemkom ħames snin oħra u ngħidulkom li nkunu wettaqna dak kollu li nkunu wegħdnikom.

18.37 Ħaddieħor qed jgħid li lest ikun iżjed uman u jisma iżjed lin-nies. Dan kollu diskors li smajnieh diġa meta qaluhulna ħames snin ilu. Ħaddieħor ingħata ċans ieħor mill-poplu u ma wettaqx li wiegħed. Għalhekk wasal iż-żmien tal-bidla. L-GĦawdxin jeħtieġu jagħtu mandat ċar għall-bidla. Irridu nuru li l-istil ġdid ta’ politika mhux tat-taħbit tal-bibien lejliet tal-elezzjoni, imma l-għada tal-elezzjoni biex il-politiċi jisimgħu u jerfgħu r-responsabbilta tagħhom.

18.35 L-għażla li għandu l-poplu kollu hu bejn politika ‘more of the same’ minn min qed jgħidilna li mhemmx bżonn ta’ bidla fid-direzzjoni u bejn politika li toffri bidla fid-direzzjoni, tmexxija ġdida ta’ min ma jiġih qatt f’moħħu li jieħu xi żjieda minn wara dahar il-poplu meta dan ikun mgħobbi bil-piżijiet. Ħaddieħor tilef il-polz tar-realta.

18.33 Ġejna għalhekk illum meta fadal ħamest ijiem li fihom se nkomplu naħdmu. Il-mistoqsija hi waħda: Min hu fl-aħjar pożizzjoni li jiddefendi l-interessi, mhux ta’ xi klikka u tal-magħżulin, imma tal-poplu kollha. Ir-risposta hi: dal-Moviment li ma jħarisx lejn il-kuluri ta’ xi kulur. Aħna naraw biss uċuh Maltin u Għawdxin.

18.31 “Grazzi li qed tibagħtu messaġġ b’saħħtu li Għawdex lest jingħaqad għall-bidla. Bdejna din it-triq tagħna disa’ ġimgħat ilu f’dil-gżira għax ridna nibagħtu sinjal ċar u qawwi, messaġġ li urejtuh intom stess, li l-Għawdxin mhux se jkunu spettaturi, imma protagonisti.

18.30 Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat jingħata merħba u jibda jindirizza lill-folla.

18.00 Il-folla tinġabar fil-pjazza tax-Xagħra Għawdex biex tagħti merħba u tisma’ lill-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat f’dan l-aħħar mass meeting f’Għawdex għal din il-kampanja elettorali.

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.

Ritratti: Karl Wright