Aġġornata bl-Awdjo: Mass Meeting tal-PL fil-Floriana

Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat appella lil dawk li għadhom ma ġabrux id-dokument tal-vot u lil dawk indeċiżi kif se jivvutaw nhar is-Sibt li ġej sabiex jagħmlu ħilithom u jmorru minn kmieni jivvutaw lill-kandidati tal-Partit Laburista. Qalilhom li astensjoni mill-vot tfisser grazzi lil min ma tax kashom fl-aħħar ħames snin. Żied li vot lill-Partit immexxi minnu jfisser li l-pajjiż iwarrab il-politika negattiva tal-passat u jdur għal politika li tgħaqqad lill-poplu u tikteb paġna ġdida fl-istorja tal-pajjiż. F’mass meeting Fuq il-Fosos tal-Floriana, Dr Muscat sejjaħ għall-aħħar sforz biex il-partitarji jikkonvinċu lil min għadu inċert. Saħaq li s-surveys ma jiswew xejn, iżda li finalment jgħodd huwa l-vot.

Iktar kmieni:

17.15 Jitħabbar li wara l-mass meeting għada fix-Xagħra Għawdex fil-5.30pm, il-Partit Laburista se jindirizza mass meeting ieħor, li jagħlaq il-kampanja elettorali, nhar il-Ħamis li ġej f’Ħal Far.

17.10 Dr Joseph Muscat itemm id-diskors tiegħu fil-mass meeting Fuq il-Fosos tal-Floriana. Fuq il-palk jingħaqdu ma’ Dr Muscat, martu Michelle, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, Louis Grech u d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Dr Toni Abela.

17.08 Issa hu żmien li ningħaqdu għax ix-xogħol, il-bidla fil-politika, id-drittijiet tal-pazjenti, id-dritt li nagħtu lill-anzjani pensjoni fis-sod, l-investiment f’uliedna, ir-rispett lejn l-għalliema, it-twemmin li l-istudenti jingħataw it-tieni ċans, ix-xogħol, id-diterminazzjoni li nagħtu serħan tal-moħħ lill-persuni b’diżabilita, it-tama għall-pożittivita, il-possibilita għall-kitba ta’ paġna ġdida fl-istorja ta’ pajjiżna u Malta huma tagħna lkoll”.

17.07 Fadlilna x-xogħol biex nipperswadu lill-oħrajn, partikolarment lilkom iż-żgħażagħ – ikkonvinċu oħrajn biex ma nibqgħux spettatuti imma lkoll flimkien inkunu protagonisti.

17.06 Ivvutaw kmieni nhar is-Sibt u ħeġġu lil kulħadd jagħmel l-istess. Mhux is-surveys li jgħoddu imma l-vot. Għandna l-possibilita storika li nibdlu l-idtorja ta’ pajjiżna.

17.04 Għalhekk l-għajta tagħna ejjew ningħaqdu għall-bidla. Nappella lil dawk li jaħsbu li ħadd mhu se jemminhom.

17.00 Għaddew is-snin, ix-xhur u l-ġimgħat. Fadal biss sitt ijiem, fejn għandi bżonnkom biex naħdmu flimkien u nġibu l-bidla li tiftaħ kapitlu ġdid fl-istorja ta’ dal-pajjiż. Lil min għadu ma ġabarx il-vot ejja nipperswaduh jiġbru u jivvota lill-kandidati Laburisti. Lil dawk li għadhom ma ddeċidewx ngħidilhom li għandhom għażla bejn min iwiegħed biss u bejn min qies il-proposti tiegħu sew. Hi għażla bejn politika tan-negattivita għal politika nadifa mit-tajn.

16.59 Ġustizzja soċjali tfisser ukoll li ngħinu l-minoranzi f’dal-pajjiż. Il-persuni b’diżabilita, jeħtieġu, mhux min jitħassarhom, iżda min jagħtihom id-drittijiet. Neħtieġu pajjiż iżjed aċċessibbli. L-ikbar programm ta’ Gvern ġdid se jkun il-proġett Soċjeta Ġusta – fejn kull persuna b’diżabilita ma tispiċċax waħedha mal-mewt tal-ġenituri, imma dak li jkun jibqa’ jgħix fil-komunita.

16.58 Ġustizzja soċjali…se nniedu programm biex min għandu bolol nieqsa, dawn iħallsuhom biex jieħdu pensjoni diċenti. Hekk intejbu l-livell ta’ għejxien tal-anzjani tagħna. Inkunu wkol lqed nagħmlu ġustizzja ma’ ħafna nisa.

16.57 Il-politiċi mhux se jieħdu żidiet minn wara dahar il-poplu, għax aħna għas-servizz tal-poplu qegħdin.

16.55 Se nibdew it-triq biex il-pensjoni mi nima titla’ għal 60% tad-dħul minimu nazzjonali.

16.54 Dan hu l-Moviment tal-aspirazzjoni u mhux tal-għira…niċċelebraw is-suċċess u nagħtu t-tieni possibilta lil min għandu bżonnha, bħal studenti li jeħlu minn xi eżami. Se nagħtu wkoll it-tagħlim, it-taħriġ u x-xogħol liż-żgħażagħ tagħna, li magħhom se nkunu spalla. Lil dawn inħeġġuhom ma jaqtgħux qalbhom, għalhekk inkomplu nagħtuhom l-istipendju.

16.51 Se nkomplu ninvestu fl-iskejjel, imma fuq kollox fin-nies, fl-għalliema għax huma jsawru ‘l uliedna. Lill-għalliema se ntuhom possibilta ta’ sena sabbatical leave, sena mħallsa jekk jagħżlu li jispeċjalizzaw.

16.50 Se nintroduċu charter għall-pazjenti biex kulħadd ikun jaf x’inhu dritt tiegħu fis-settur tas-saħħa…kulħadd ikun jaf il-perjodu massimu li jista’ jdum jistenna qabel operazzjoni, li jekk jinqabeż, il-Gvern jibgħatek tagħmel l-operazzjoni fil-privat.

16.49 Fil-qasam tas-saħħa primarja se nagħmlu riforma biex nirrenġaw iċ-ċentri tas-saħħa għax ma jistax ikun li n-nies jibqgħu jmorru l-isptar Mater Dei li diġa sar żgħir.

16.47 Huwa l-ħolqien tal-ġid li permezz tiegħu nistgħu nimxu ‘l quddiem f’dal-pajjiż.

16.46 4,600 żagħżugħ u żagħżugħa bla xogħol ma tista issejħilhom irrilevanti. Is-self employed irid Gvern li jħallieh jaħdem u joħloq il-postijiet tax-xogħol u l-ġid. Il-privat hu s-sors għal dan f’pajjiżna. Għalhekk aħna kburin li pro-business, li jfisser li tkun favur ix-xogħol u allura, favur il-ħaddiema.

16.45 Dik tad-9 ta’ Marzu hi għażla għal 77 miljun lura fl-ekonomija ta’ pajjiżna u fil-bwiet tal-poplu. L-iktar importanti hu l-protezzjoni u l-ħolqien tax-xogħol għax il-qgħad ilu jiżdied għal xahar wara l-ieħor kważi għal sena sħiħa. Ħaddieħor lanqas biss induna, anzi qed jaħrab dan.

16.44 Mill-banda l-oħra dal-Moviment preżenta l-iktar proposta dettaljata, ċara li qatt kienet ippreżentata quddiem il-poplu fil-mument tal-għażla… b’kif, kemm u meta se jorħsu l-kontijiet, b’teknoloġija ippruvata, b’qalba għall-gass.

16.43 Hi għażla bejn road map ċara u proposti konfużi ta’ ħaddieħor mingħajr idea fejn iwasslu…bħall-proposta fil-qasam tal-enerġija – ħaddieħor la jaf meta, la kif u lanqas b’kemm.

16.42 Hi għażla fejn mhux intellgħu bandiera ħamra flok blu, imma fejn titla’ bandiera bajda u ħamra, bandiera li ma tinżilx…għażla fejn kulħadd ikun iħoss li l-Gvern li jitla’ jkun wieħed hemm biex jiddefendih u jirrappreżentah, lil hinn mill-politika tat-tribujiet…fejn mhux lil min tkun taf imma x’taf li jkun jgħodd.

16.41 “Ninsabu sitt ijiem ‘il bogħod mill-jum li fih il-Maltin u l-Għawdxin, aħna lkoll irridu niddeċiedu d-direzzjoni ta’ dan il-pajjiż. L-għażla quddiemna mhix normali bejn l-aħmar u l-blu, fejn tinżel bandiera mod u titla’ oħra, jew biex jaħkem xi ħadd u mhux ieħor. Hi għażla li trid tara li jitwieled poplu wieħed maqgħud.

16.40 Dr Joseph Muscat jiftaħ id-diskors tiegħu

16.38 Il-Mexxej Laburista Dr Joseph Muscat jintlaqa’ mill-folla għall-indirizz tiegħu

16.25 Id-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament, Louis Grech jingħata merħba mill-folla u jindirizza l-massa

15.10 Fuq il-palk prinċipali l-grupp A Friend in London biex ikantaw il-kanzunetta New Tomorrow, fost oħrajn

15.05 Tingħata tislima lill-Għawdxin li jitfakkru fil-mass meeting t’għada fix-Xagħra Għawdex

14.30 Il-folla tinġabar fuq il-Fosos tal-Floriana, tistenna lill-Mexxej Laburista, Dr Joseph Muscat

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.

Ritratti: Daniel Balzan