Maskri mediċi m’għandhomx jintilbsu għal aktar minn 4 sigħat – Prof. Gauci

Miguela Xuereb

Is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci qalet li maskri mediċi, jiġifieri dawk li jintużaw darba u jintremew, m’għandhomx idumu milbusa għal aktar minn erba’ sigħat.

Fl-aġġornament tagħha fuq il-coronavirus ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, Prof. Gauci qalet li wara erba’ sigħat, dawn il-maskri ma jibqgħux effettivi billi jixxarrbu.

Dwar il-maskri tad-drapp, Prof. Gauci enfasizzat li dawn iridu jinħaslu regolarment. Is-Supretendent qalet ukoll li l-maskri ma jridux jitneħħew waqt li xi ħadd ikun qed jitkellem, imma dan għandu jibqa’ bil-maskra hu u jagħmel id-diskors tiegħu. Ġabet eżempju biha stess li tibqa’ bil-maskra meta tagħmel dawn il-konferenzi ta’ kull ġimgħa.

Fil-konferenza, hija ħabbret li llum Malta kellha 19-il każ ġdid tal-coronavirus, filwaqt li fiequ 37 persuna.

Meta ġiet mistoqsija dwar l-ilbies tal-maskri fl-iskola, hija insistiet li kulħadd irid juża l-maskra tiegħu. Ħadd ma jista’ jaqsam maskra ma’ ħaddieħor minħabba kontaminazzjoni.

Skont il-linji gwida maħruġin mill-awtoritajiet fl-aħħar jiem, fl-iskejjel l-għalliema u l-LSEs huma obbligati jilbsu maskra jew visor il-ħin kollu. L-istudenti, imbagħad, iridu jilbsu l-maskri skont l-età tagħhom. Tfal ta’ inqas minn tliet snin ma jridux jilbsu maskra, dawk ta’ bejn tliet snin u 11-il sena jridu jilbsuha malli jirfsu ‘l barra mill-klassi, filwaqt li l-istudenti t’aktar minn 11-il sena jridu jilbsu l-maskra l-ħin kollu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn