Mas-€7,000 għal negozji żgħar u self-employed minħabba l-pandemija – Schembri

Negozji żgħar u s-self-employed se jkunu bbenefikaw minn madwar €7,000 minn miżuri differenti li ddaħħlu fis-seħħ fil-Pjan għar-Riġenerazzjoni tal-Ekonomija minħabba l-pandemija.

Ilbieraħ il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri nieda l-iskema tar-rifużjoni tal-kera għas-self-employed u negozji. Kien spjegat li l-għan tal-iskema huwa li jnaqqas l-ispejjeż għas-self-employed u n-negozji, li tappoġġja l-operat marbut mal-ispiża għan-negozji li kellhom jagħlqu jew jillimitaw l-operat tagħhom minħabba l-pandemija, kif ukoll li jkunu ssalvagwardjati l-impjiegi u negozji.

Kien stmat li permezz tal-miżuri ekonomiċi mħabbra persuna self-employed u negozju żgħir jistgħu jibbenefikaw sa €1500 permezz tal-iskema tar-rifużjoni tal-kont tal-elettriku, jieħdu appoġġ massimu ta’ €2500 permezz tal-iskema tar-rifużjoni tal-kera u jieħdu €3000 permezz tal-Covid Wage Supplement li ngħata matul ix-xhur ta’ Marzu sa Settembru. B’hekk kien stmat li persuna self-employed jew negozju żgħir bbenefika sa €7000.

Sabiex in-negozji jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin bl-operat tagħhom, kien spjegat li ġie allokat budget ta’ €45 miljun li se jkun qed jappoġġja lil aktar minn 16,000 self-employed u negozju. Il-Ministru spjega li l-iskema tkopri:

  • Lil dawk in-negozji kollha li qed jibbenefikaw mill-Covid Wage Supplement
  • Għall-inkwilini u mhux għas-sidien
  • Għal ftehim ta’ kirja li jkopru s-sena 2020

Bħala parti mill-kriterja ta’ eliġibilità, l-iskema se tkopri ftehim ta’ kirja li jkun daħal fis-seħħ qabel id-9 ta’ Marzu 2020 u li huma ta’ natura kummerċjali. Għal proprejtà kummerċjali biex tkun eliġibli għall-iskema importanti li l-kirja tkun qed issir mis-settur privat, jiġifieri minn partijiet terzi u li speċifikament tintuża għal attivitajiet kummerċjali.

Kien spjegat, li self-empoyed u negozji b’ħanut wieħed jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €2500 filwaqt li negozji b’ħamest iħwienet jistgħu jibbenefikaw sa €7500.

Iktar dettalji dwar il-kriterja ta’ eliġibilità kif spjegat waqt il-konferenza: 

Ammont ta’ ħaddiema li qed jirċievu Covid Wage SupplementFtehim ta’ kirja eliġibbliAppoġġ Massimu
1 to 91€ 2,500
10 to 192€ 4,000
20 to 293€ 5,500
30 to 394€ 7,000
40 and over5€ 7,500

Min-naħa tiegħu, Kurt Farrugia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, qal li fl-aħħar 24 siegħa, il-korporazzjoni diġà bagħtet email inizjali lil aktar minn 16,000 negozju u self-employed biex jibbenefikaw mill-iskema tar-rifużjoni tal-elettriku. Intant, fid-9 ta’ Settembru, in-negozji u self-employed li qed jibbenefikaw mill-Covid Wage Supplement se jkunu qed jirċievu email inizjali li tigwidahom tul il-proċess tal-applikazzjoni online.

Qal li l-applikanti għandhom idaħħlu:

  • Kopja tal-ftehim tal-kera
  • Prova tal-aħħar pagament (li għandu jkopru parti jew l-pagament kollu għall-2020)
  • The Enterprise in Difficulty Declaration form – iffirmata u scanned
  • Aid Received Form – iffirmata u scanned

Farrugia spjega li wara dan, il-Malta Enterprise tipproċedi effettivament bi ħlas ta’ rifużjoni direttament lin-negozji, filwaqt li rrimarka li għall-iskema tal-kera l-applikazzjonijiet se jkunu pproċessati b’mod manwali.

Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja Business First billi jċempel 144 waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju jew billi jibgħat email fuq regeneration@maltaenterprise.com. Jista’ wkoll iżur is-sit regeneration.maltaenterprise.com jew www.maltaenterprise.com