Mas-70 reffiegħ jagħmlu wegħda f’Ħadd in-Nies f’Ħaż-Żabbar

Knisja.mt / Ritratti

Read in English.

70 reffiegħ ipparteċipaw fil-pellegrinaġġ penitenzjali ta’ Ħadd in-Nies f’Ħaż-Żabbar. Dawn tradizzjonalment kollha jagħmlu wegħda.

Il-pellegrinaġġ isegwi l-istatwa devozzjonali tal-Madonna tal-Grazzja flimkien mal-kappillani, il-kleru, reliġjużi, rappreżentanti tas-soċjetajiet ċivili, għaqdiet tal-parroċċa u bosta pellegrini. Għal dan il-pellegrinaġġ attenda Mons. Pawlu Darmanin, Isqof Emeritu ta’ Garissa fil-Kenja.

Beda fl-4.15pm u wara li daħlet l-istatwa tal-Madonna fis-Santwarju, ġiet iċċelebrata quddiesa bil-parteċipazzjoni tal-kor Notre Dame.

Din it-tradizzjoni tmur lura mijiet ta’ snin qabel l-Ordni ta’ San Ġwann ġie Malta fl-1530. Meta wara l-wasla tal-Ordni ta’ San Ġwann beda jiġi ċċelebrat il-Karnival, ħafna pellegrini kienu ħaduha drawwa jżuru s-Santwarju f’Ras ir-Randan, bħala tpattija ta’ atti li jkunu saru fi żmien il-Karnival. Bosta nies kienu jmorru s-Santwarju biex jagħmlu jew jonoraw il-wegħdiet li jkunu għamlu u jitolbu l-barka ta’ Alla. Maż-żmien, minn Ras ir-Randan, dawn il-pellegrinaġġi bdew jiġu organizzati fl-ewwel Ħadd tar-Randan. Fis-seklu 17, din il-ġurnata spiċċat aktar tixbah festi bħall-Imnarja u San Girgor. Dan sakemm madwar 80 sena ilu, il-mottiv oriġinali ta’ penitenza ġġedded bl-użu ta’ karrijiet u karrettuni li juru l-istorja u d-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Grazzja.

Riċentement, il-pellegrinaġġ ta’ Ħadd in-Nies reġa’ ħa l-forma oriġinali, fejn l-attenzjoni prinċipali tkun li l-pellegrinaġġ isir bħala sinjal ta’ penitenza u ringrazzjament lil Alla permezz ta’ ommu Marija.