Mas-6,000 Ewropew ingħaqdu mal-estremisti Iżlamiċi

Il-Kap tal-Europol, Rob Wainwright qal li l-Ewropa qed taffaċċja l-ikbar theddida terroristika mill-2001.
Saħaq li huwa stmat li fl-Ewropa hawn bejn 5,000 u 6,000 Ewropew li ngħaqdu mal-jiħadisti Iżlamiċi u jinsabu lesti li jwettqu attakki terroristiċi f’xi pajjiż Ewropew.
Wainwright qal li bejn 3,000 u 5,000 Ewropew telqu lejn is-Sirja jew l-Iraq u ngħaqdu mal-Istat Iżlamiku. Il-Europol diġà ġabret l-identifikazzjoni ta’ 2,500 minn dawn is-6,000 persuna.
Il-Kap tal-Europol qal li s-Sirja u l-Iraq mhumiex l-uniċi pajjiżi fejn persuni Ewropej qed imorru u jsiru estremisti Iżlamiċi. Sostna li l-jiħadisti jinsabu wkoll fil-peniżola Għarbija u fl-Afrika.
Wainwright qal li kull wieħed minn dawn l-estremisti huwa kapaċi li jwettaq attakk terroristiku simili għal dak li sar fuq l-uffiċini tar-rivista satirika Charlie Hebdo.
Huwa wissa wkoll fuq il-problemi li jistgħu jinħolqu minħabba mewġa ġdida ta’ hackers Iżlamiċi li qed jinfiltraw f’networks ta’ Gvernijiet u kumpaniji Ewropej.