Martri żagħżugħ simbolu ta’ tama għas-saċerdoti Messikani

Fl-ewwel anniversarju mill-kanoniżazzjoni ta’ San Jose Sanchez del Rio, tifel Messikan ta’ 14-il sena li fl-1928 miet martri tul dik li hi magħrufa bħala l-Gwerra tal-Cristero, is-saċerdoti fil-Messiku – li hu meqjus li hu l-aktar pajjiż perikoluż biex jgħix fih saċerdot – qed iżommu lil dan il-qaddis bħala simbolu ta’ tama għalihom.
L-eroiżmu li kien wera dan it-tfajjel għandu jqawwi qalb is-saċerdoti biex ikomplu bil-ministeru tagħhom b’tama li Alla jgħinhom f’din il-missjoni. Dawn is-saċerdoti u partikolarment dawk li jikkundannaw it-traffikaneti tad-droga, qed ikunu fil-mira ta’ attakki vjolenti kontrihom, qal Antonio Berumen li kien il-Viċi Postulatur fil-kawża ta’ San Jose Sanchez.
Il-qtil ta’ tliet saċerdoti fil-Messiku f’Settembru li għadda hu l-aħħar fost l-attakki kontra l-qassisin f’dan il-pajjiż.  Fl-aħħar 4 snin fil-Messiku inqatlu 15-il saċerdot.
Għalkemm il-poplu hu konvint li dawn is-saċerdoti nqatlu minn barunijiet u traffikaneti tad-droga li riedu jibgħatu messaġġ lil dawk li jopponuhom, uffiċjali tal-Gvern qed ikunu kritikati mhux biss għax qed inaqqsu mis-serjeta’ tas-sitwazzjoni, imma wkoll għax spiss qed ilumu lill-vittmi għall-qtil tagħhom stess.
Il-mewt riċenti ta’ Fr. Alfredo Lopez Guillen, saċerdot maħbub ħafna, li nħataf u ġimgħa wara nstab mejjet b’ħames tiri ta’ arma tan-nar fl-istonku tiegħu, wera l-ħruxija tat-traffikanti tad-droga li lesti joqtlu lill-membri tal-kleru li jitkellmu kontrihom.
Il-Gvernatur tal-belt fejn inqatel is-saċerdot, allega li Fr Lopez Guillen deher f’video ta’ sorveljanza f’lukanda lokali flimkien ma’ tifel u implika li dan is-saċerdot forsi kien pedofelu u nqatel minħabba f’hekk. Iżda omm l-istess tifel akkużat lill-Gvernatur li kien irresponsabbli u qalet li l-video kien juri lil binha ma’ missieru u mhux mas-saċerdot maqtul. L-attentat biex ikun diskreditat dan il-qassis maħbub sab ukoll l-għadab tal-Knisja lokali li talbet apoloġija mill-Gvernatur.
Fr Lopez kien magħruf l-aktar għall-ħidma tiegħu fost iż-żgħażagħ biex jgħinhom jeħilsu mill-vizzju tad-droga u l-alkohol u għalhekk it-traffikanti tad-droga kienu jobgħoduh.
L-Isqof Awżiljarju Jaime Calderon qal li l-qtil ta’ dawn is-saċerdoti ikomplu l-legat li ħalla SanJose Sanchez del Rio li ffaċċjat b’mewt ċerta kompla jxandar l-Evanġelju.