Aġġornata: Il-Gvern jiċħad li Martin Galea seta’ nħeles b’€400,000

Rapporti internazzjonali qed jgħidu li l-kumpanija li magħha jaħdem Martin Galea, li ġie maħtuf mill-militanti fil-Libja, ġiet mitluba tħallas €400,000 għall-ħelsien tiegħu.
Sorsi qrib is-servizzi sigrieti fi Tripli qalu lil-Libya Herald li tħallset somma flus biex inħeles Galea, iżda ma qalux kemm kienet is-somma u minn min setgħet tħallset.
Ma' Newsbook.com.mt, kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru sostna li l-Gvern żgur ma ħallasx flus għall-ħelsien ta' Galea, u li mill-ewwel investigazzjonijiet ma rriżultax li kien hemm xi ħlas minn bnadi oħra. Qal ukoll li l-awtoritajiet qed jinvestigaw il-każ ta' Galea. 
Is-servizzi tas-sigurtà tkellmu ma' Martin Galea u qed isegwu l-każ tiegħu mill-qrib.
Xi rapporti internazzjonali qalu li Martin Galea ġie maħtuf fl-inħawi tal-pont Ain Zara qrib Fornaj, mill-grupp militanti ta’ Suq Al Juma. Madanakollu dan għadu ma ġiex ikkonfermat.
Jgħidu li minkejja li l-pulizija qed tinvestiga l-każ, ma jidhirx li se joħorġu ħafna iktar dettalji.
Sadanittant, minkejja li għaddew kważi 24 siegħa minn x’ħin inħeles Martin Galea, il-Gvern għadu ma ħariġx id-dettalji dwar il-ħtif ta’ Galea.
Nhar is-Sibt li għadda, waqt il-programm Newsbook, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin George Vella, kien qal li meta l-Malti jkun meħlus u s-sigurtà tiegħu tkun imħarsa, il-Gvern ikun f’pożizzjoni li joħroġ il-fatti.
Fil-blogg tiegħu, id-Deputat Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo qal li issa li Martin Galea jinsab Malta, għandhom joħorġu d-dettalji.
Martin Galea wasal Malta lbieraħ filgħaxija fuq titjira tal-linja tal-ajru Medavia akkumpanjat mill-Konslu Dr Marisa Farrugia u sitt membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. Minkejja li wasal qawwi u sħiħ, mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Galea ttieħed l-Isptar Mater Dei biex isirulu xi testijiet. Martin Galea ħareġ mill-Isptar Mater Dei llum wara nofsinhar u ngħaqad mal-familja tiegħu.