Martin Balzan, MAM: Allura niddikjaraw one-party state?

'Jekk hawn min qed jiddejjaq bil-unjins jew inkella bid-demokrazija ma baqax x'nagħmlu għajr niddikkjaraw one-party state.
Hekk ikkummenta Dr Martin Balzan, Segretarju Ġeneral tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija, meta ċaħda dak li kiteb fuq Facebook Glen Bedingfield, MP Laburista. Balzan kien qed jieħu sehem fil-programm Follow-Up imxandar fuq RTK.
F'din il-post Bedingfield poġġa ritratt ta' grupp ta' tobba li huwa qal li qed jistrajkjaw u jieħdu pjaċir flimkien waqt li l-pazjenti qed ibatu bl-istrajk tagħhom. Huwa qal ukoll li flimkien magħhom qed jieħu pjaċir il-Partit Nazzjonalista.
Balzan, b'leħen irrabjat ħafna, ċaħad li dawn kienu tobba fuq strajk. Huwa kkjarifka li tobba fir-ritratt kienu tobba tal-emerġenza li obdew d-direttiva biex huma jkomplu jaħdmu bħala parti mis-servizz ta' emerġenza li offriet l-unjin. Dawn it-tobba, qal Balzan, isalvaw ħajjet in-nies kuljum u kkundanna lil Bedingfield li attakkahom. Balzan żied jgħid li t-tobba riedu juru solidarjetà ma' sħabhom it-tobba permezz tar-ritratt.
Is-segretarju tal-MAM sejjaħ il-kummenti ta' Bedingfield bħala 'ferm offensivi'. Balzan kien iebes fi kliemu u qal dan jirrifletti x'livell baxx ta' nies jitilgħu fil-Parlament. U kompla billi qal li jekk hawn min qed jiddejjaq bl-unjins jew inkella d-demokrazija, ma baqax x'nagħmlu għajr niddikjaraw one-party state. Sostna li l-istrajk huwa dritt tal-ħaddiem.
Huwa qal li jistenna li l-Ministru għas-Saħħa Dr Chris Fearne jiddissassoċja ruħu mill-kummenti li saru mill-Membru Parlamentari tal-Gvern Glenn Bedingfield. 
Fuq linji simili ta’ ħsieb ikkummentat Nikita Zammit Alamango, li tokkupa kariga fl-ARMS LTD u li hi wkoll kandidata tal-Partit Laburista. Hi qalet li dawn it-tobba fir-ritratt qed jiddieħku filwaqt li iktar minn 3,000 pazjenti ġew affettwati.

Ħafna kienu dawk li kkummentaw u qallu li ‘misshom iġibu t-tobba minn barra’ b’referenza għal dak li kien għamel eks Prim Ministru ta’ Malta Duminku Mintoff. Oħrajn akkużawhom li qegħdin ‘jaqdu lill-PN’.