X’sena kienet din! Madankollu, tgħallimt u ndunajt kemm aħna fraġli tassew u x’inhu l-iktar importanti fil-ħajja; familja, ħbieb, saħħa u mħabba,” hekk beda biex jgħid dalgħodu Maestro Aurelio Belli hekk kif ħabbar li lesta ċ-ċikli ta’ kimoterapija.
Maestro Belli ddaħħal għal intervent mediku f’Settembru li għadda.
Fil-messaġġ tiegħu Belli saħaq fuq l-importanza li lkoll nagħmlu memorji u ngħożżu kull mument mal-maħbubin tagħna.
“Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil marti (il-kantanta Gloriana Arpa Belli) u lil binti (Alexandra) talli tawni raġuni biex inqum filgħodu u tawni s-saħħa biex inkompli u nibqa’ niġġieled,” ikkummenta waqt i rringrazzja l-istaff kollu tas-SAMOC talli ħa ħsiebni daqshekk tajjeb u Dr Conrad Zammit, Dr David Sladen u Dr Christopher Zammit talli salvawli ħajti u l-familja u l-ħbieb tiegħi kollha għall-appoġġ kostanti matul ix-xhur li għaddew.
Maestro Belli qal li jittama li jħalli din il-marda warajh u li ma jkollux għalfejn immur lura l-isptar għall-check ups regolari.
“Inżomm f’moħħi n-nies kollha li huma inqas ixxurtjati u kontinwament qed jiġġieldu jew tilfu battalji ma’ dan il-mostru imsejjaħ kanċer,” kiteb hu waqt li saħaq biex wieħed ikollu l-kuraġġ u l-fidi” temm igħid hu.
Messaġġ sabiħ u ta kuraġġ u nawguraw li l-messaġġ ta’ Maestro Aurelio Belli ikun ta’ kuraġġ għal min bħalu għaddej bil-ġlieda mal-kanċer.