“Ma’ Marthese dejjem kont naf fejn jien” – Delia dwar ir-riżenja

Aġġornat 08:04 AM

Read in English.

Marthese Portelli għadha kemm ħabbret li rreżenjat minn Membru Parlamentari. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wera d-dispjaċir tiegħu fuq din ir-riżenja, u qal li ma’ Portelli dejjem kien jaf fejn kien.

Portelli ħabbret ir-riżenja tagħha fuq Facebook fejn stqarret li kitbet lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia tinfurmah b’din ix-xewqa tagħha.

Portelli, li ilha Membru Parlamentari Nazzjonalista għal seba’ snin, irringrazzjat lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, kif ukoll lill-eks Kap Simon Busuttil, tal-fiduċja li wrew fiha. Irringrazzjat ukoll lill-kollegi MPs tal-PN, kif ukoll lill-MPs tal-PL li ħadmet magħhom tul l-aħħar snin.

Għadni kif ikkomunikajt ma' l-iSpeaker tal-Kamra fejn infurmajtu illi nixtieq nirriżenja.Nixtieq minn qalbi…

Posted by Marthese Portelli on Thursday, February 27, 2020

Stqarret li, “Il-politika għandha tintuża biss biex jitkattar il-ġid komuni.” Qalet li se tibqa’ tgħożż is-seba’ snin tagħha fil-Parlament.

“Tlifna kollega minħabba ħaddieħor” – Azzopardi

Fir-reazzjoni tiegħu għal din l-aħbar, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi esprima d-dwejjaq tiegħu. Qal li tilfu kollega ħabrieka u intelliġenti minħabba ħaddieħor.

Stqarr ukoll li mhuwiex sorpriż sa barra bir-riżenja ta’ Portelli.

“Ma kellhiex aġenda moħbija” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rringrazzja lil Portelli tas-servizz li tat lill-PN. Huwa qal li hi dejjem tat kritika kostruttiva, mingħajr ma kellha aġenda moħbija.

Saħaq fuq il-ħidma siewja tagħha u qal li dejjem ħarġet lill-PN bl-unuri. Sostna li, “Marthese ħaddmet politika ta’ djalogu, mhux ta’ mibegħda u konfront li ma jwassal għal imkien. Dejjem emmnet fil-politika ta’ persważjoni, u dejjem ġabet riżultati tajbin għall-PN u għal pajjiżna. Ħadmet bla heda fid-distretti li minnhom ġiet eletta. Kienet viċin in-nies, kif għandu jkun politiku denju tal-kariga li jokkupa.”

Huwa ħeġġiġha biex tibqa’ tagħti l-kontribut tagħha lill-PN.

Portelli kienet waħda mis-17-il eroj blu, kif aċċenna għalihom l-MP Jason Azzopardi, li kienu kontra t-tmexxija ta’ Adrian Delia fil-Partit Nazzjonalista.

F’Novembru li għadda, Portelli rreżenjat mill-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, peress li qalet li kulma jmur, l-Awtorità tal-Ippjanar ġiet maħkuma minn nies u forzi li qed jinjoraw għalkollox il-ġid komuni.