Marthese Portelli tinħatar Direttur tal-Iżviluppaturi

Aġġornat 04:09 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

L-eks Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli għadha kemm inħatret Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (Malta Developers Association). Il-Kunsill tal-MDA lbieraħ approva din id-deċiżjoni u ħatar lil Portelli bħala l-ewwel persuna f’dan l-inkarigu. Hija se tkun qed tieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-Assoċjazzjoni.

Fi stqarrija, il-President tal-MDA Sandro Chetcuti ġie kkwotat jgħid li dan jibgħat messaġġ importanti lill-imsieħba kollha għaliex qal li l-MDA hija serja li tpoġġi l-industrija fuq quddiem tal-iżvilupp sostennibbli u l-politika favur l-ambjent.

Portelli qalet li hija sorpriża li l-Assoċjazzjoni talbitha tieħu dan l-inkarigu iżda qalet li wara għamlet il-kunsiderazzjoni tagħha fit-tul hija aċċettat din l-isfida. Spjegat li ġiet fdata b’responsabbiltà kbira minħabba l-kumplessità u l-aspett kontroversjali tal-industija.

Repubblika ma taqbilx li politiċi jidħlu f’kamp kontroversjali

L-għaqda Repubblika qalet li mhux għaqli li l-politiċi jidħlu f’kamp kontroversjali wara ftit jiem biss li jkunu ħallew il-ħajja politika. L-għaqda saħqet li minbarra r-riskji li jkun hemm, dan l-aġir jimmina l-fiduċja tan-nies.

Spjegat li l-industrija tal-kostruzzjoni hija maħkuma aktar minn spekulaturi milli minn żviluppaturi. Qalu li r-rabtiet tagħhom mal-politiċi wasslu kemm biex tintilef il-fiduċja taċ-ċittadini kif ukoll għall-qerda tal-ambjent urban u naturali.

L-avukat Marthese Portelli rriżenjat mill-Parlament fl-aħħar ta’ Frar li għadda.