Mart George Farrugia ssaqsi lil Gonzi għal laqgħa dwar tender

L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li fl-2008 kellem tliet darbiet b’imejl lill-mara ta’ George Farrugia. 
L-ewwel pass qal li għamlitu Cathy Farrugia stess meta fl-4 ta’ Frar 2008 awguratlu għall-elezzjoni tat-8 ta’ Marzu 2008 u weġibha lura fit-19 ta’ Marzu 2008. 
It-tieni imejl tagħha sostna li rċieviha fit-2 ta’ Lulju 2008 u fiha talbitu biex jiltaqa’ mar-raġel tagħha.  Meta l-għada staqsiha dwar liema suġġett, din weġbitu li minħabba tender. 
L-eks Prim Ministru saħaq li mill-ewwel weġibha li fuq punt ta’ prinċipju ma jistax ikollu laqgħat dwar tenders u insista “li kollox kellu jkun on record u jekk hemm allegazzjonijiet ta’ irregoralitarjiet allura dawn kellhom jiġu riferuti lill-awtoritajiet kompetenti.” 
Fi stqarrija mibgħuta lill-midja b’rabta mal-imejls li għandhom x’jaqsmu ma’ George Farrugia, u li ġew ippubblikati mill-MaltaToday, Lawrence Gonzi qal li minn riċerka li għamel, sab li bejn l-2006 u l-2013, irċieva 96,433 imejl u wieġeb 46,086 messagg minnhom. 
Nhar l-Erbgħa li għadda, quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, l-eks Prim Ministru Gonzi qal li lil mart George Farrugia kien jafha bħala impjegata fost 1,100 persuna li kienu jaħdmu ma’ grupp li fih kien jaħdem hu iżda ma kienx jaf ma’ min kienet miżżewġa, min kienet il-familja tagħha u ebda dettalji oħra.