Marsaxlokk jaf ikollu l-ewwel lukanda

Il-villaġġ pittoresk li hu popolari mat-turisti minħabba s-suq tal-Ħadd, il-ħut frisk li wieħed jista’ jixtri jew jiekol hemm stess, jaf ikollu l-ewwel lukanda. 
Bħalissa hemm applikazzjoni biex ir-ristorant max-xatt ta’ Marsaxlokk, il-Hunters Tower jinbidel f’lukanda ta’ 125-il kamra b’faċilitajiet ta’ parkeġġ taħt l-art.

Iżda dan, qiegħed viċin tal-Ballut fil-Magħluq. Il-Ballut hi art bassassa (marshland) protetta mil-liġijiet ambjentali kemm Maltin u Ewropej. Huwa sit Natura 2000, żona ta’ importanza ekoloġika, sit ta' importanza xjentifika u s-santwarju tal-għasafar.
L-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent għandha konsultazzjoni għaddejja mal-pubbliku sat-3 ta’ Marzu dwar ir-rapport (EIA) li għadu kif ġie ippubblikat dwar l-impatt ambjentali ta’ dan l-iżvilupp.
Skont l-istudju l-bini l-ġdid propost se jkun qed jagħti l-veduta tal-baħar minn Triq il-Power Station kif ukoll il-veduta tal-għelieqi li jinsabu viċin. 
Għall-kuntrarju tal-bini eżistenti, il-lukanda se jkollha bini stil modern. 
L-iżvilupp propost għalkemm mhux se jkun qed jinterferixxi mal-iskyline, se jkun qed juża iktar mill-akwati tal-madwar. 
L-iżvilupp għandu potenzjalment impatti negativi kemm fil-fażi ta’ kostruzzjoni kif ukoll fl-operat tiegħu fuq in-natura tal-madwar. Dan għaliex it-trab fl-arja joqgħod fuq il-flora u l-abitat. Il-ħsejjes iġġenerati jaf jaffettwaw b’mod negattiv il-fawna lokali filwaqt li l-ilma baħar mdardar u l-bċejjeċ li joqogħdu potenzjalment ikollhom effett fuq l-ambjent marittimu. Hemm numru ta’ miżuri li l-applikant beħsiebu jieħu biex inaqqas dawn l-effetti ħżiena u jipproteġi l-ekoloġija tal-art bassasa.

L-applikant, Jon Jon Dalli, qal li se jkun qed ifittex li jagħti kontribuzzjoni lejn l-immaniġġjar tas-sit, kemm b’manutenzjoni regolari kif ukoll bi promozzjoni bħala ċentru edukattiv u ekoturistku, skont ir-rapport ippubblikat mill-ERA. Huwa qal ukoll li se jkun qed juża fond privat għaż-żamma tas-sit biex b’hekk jinżamm bħal marshlands oħra. 
Kien hemm l-idea li ma jsirx parkeġġ minħabba l-impatt li dan jista’ jkollu fuq il-Ballut imma ttieħdet f’kunsidirazzjoni n-nuqqas ta’ parkeġġ li diġà jeżisti fiż-żona. 
L-applikazzjoni saret wara li Marsaxlokk Inner Harbour Area Environment and Development Brief identifika ż-żona bħala żona ta’ opportunità bħala parti mill-isforz ta’ riġenerazzjoni li qed issir. 
Minkejja l-ammont ta’ turisti li jżuru dan il-post, għad s’issa ma jeżistux faċilitajiet tal-akkomodazzjoni adegwati. 
‘Ikun ta’ għajb jekk neqirduh bi tpartit mal-flus’
Ma’ Newsbook.com.mt, Martin Caruana, Xlukkajr, saħaq li m’hemmx post għall-bini għoli u l-lukandi f’Marsaxlokk.
Enfasizza kif is-sajjieda, ir-ristoranti u tal-monti jgħixu f’armonija flimkien.
Tkellem fuq il-passat ta’ Marsaxlokk bħala raħal żgħir bi ftit djar. Ma setax jonqos li jsemmi kif fil-passat is-sajjieda kienu jaqdfu d-dgħajjes tagħhom u li wħud minnhom qatt ma daħlu lura.
Skont Caruana, ix-Xlukkajri kienu jiġu mgħajra ‘tal-ħama’ minħabba li meta kien jagħmel il-maltemp, il-ħama fil-baħar kien jitqanqal u l-bini u d-dgħajjes kienu jispiċċaw griżi.

Jekk inti minn Marsaxlokk jew toqgħod hemmhekk, għidilna x’taħseb dwar dan l-iżvilupp.