Marsamxett: Skema għar-restawr ta’ gallariji, twieqi, bibien

Ħarġet sejħa oħra għar-residenti fiż-żona tan-naħa t’isfel tal-Belt Valletta, biex jiġu restawrati gallariji tal-injam, aperturi, bibien u gallariji miftuħa tal-ħadid.

Din l-iskema tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ġiet imħabbra mill-Ministru għall-Ippjanar Aaron Farrugia flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. 

Din it-tieni skema qed tmur oltre minn gallariji, meta l-iskema preċedenti fl-2018 kienet il-Marsamxett Balcony Scheme.

Il-Ministru qal li skema bħal din ittejjeb il-valur estetiku tal-Belt Kapitali tagħna, tippreserva l-patrimonju arkitettoniku filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Hu sostna li l-Ministeru tiegħu qed jiffoka li jittejjeb l-ambjent li ngħixu fih kuljum, bħaż-żoni urbani.

Zrinzo Azzopardi, minn naħa tiegħu, qal li l-iskema se terġa’ tinfetaħ permezz ta’ investiment ta’ €300,000 b’fondi Ewropej. Hu qal li l-għan ta’ dan l-investiment, apparti li jinkorpora l-bżonnijiet tal-komunitajiet ta’ Marsamxett, hu li jippreserva l-karattru uniku tal-Belt iddominat mill-ġmiel tal-gallariji Maltin.

Il-Ministru Farrugia qal li din l-inizjattiva tmur flimkien ma’ skemi oħra mnedija reċentement, bħall-iskema Green Your Home, skema finanzjata mill-PA b’investiment ta’ €2 miljun għall-ħolqien ta’ faċċati ħodor; kif ukoll l-iskema Irrestawra Darek, fejn se jkunu qed jiġu investiti €3 miljun, biex jippermettu lill-applikanti li jinsabu fil-lista ta’ stennija mis-snin preċedenti biex jibbenefikaw minn din l-iskema.