Marsalforn bla lifeguards minħabba l-flus?

Persuni li jiffrekwentaw il-bajja ta’ Marsalforn qed iħossuhom anzjużi minħabba li l-bajja mhix qed tiġi ssorveljata mil-lifeguards tal-Emergency Response and Rescue Corps (ERRC).
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jirriżulta li f’Marsalforn mhux qed jintbagħtu lifeguards, biex titnaqqas l-ispiża tal-Ministeru għal Għawdex lill-għaqdiet mhux governattivi.
Persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-lifeguards qed jagħmlu xogħol impekkabbli f’Kemmuna u fil-bajja tar-Ramla, u ma jistgħux jifhmu għalfejn dan is-sajf mhux qed ikunu Marsalforn ukoll.
Matul is-sajf li għadda, f’Marsalforn kienu stazzjonati tliet lifeguards li bejniethom kienu joffru servizz tmien sigħat kuljum, bejn il-11 ta’ filgħodu u s-7 ta’ filgħaxija.
Dan is-servizz kien tnieda fis-17 ta’ Awwissu b’inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex, bil-għan li jippromwovi aktar sigurta’ fil-bajjiet f’Għawdex.
F’temp ta’ ftit aktar minn xahar, il-lifeguards tal-ERRC taw għajnuna lil 21 persuna, li ltaqgħu ma’ diffikultajiet. Fost l-oħrajn assistew  persuni li ngidmu mill-bram, oħrajn li sofrew ġrieħi f’rashom u persuni li kellhom problemi bin-nifs.
Mhux magħruf jekk dan is-servizz f’Marsalforn hux se jibda jingħata aktar tard matul is-sajf.  Dwar dan, Newsbook.com.mt għadu qed jistenna tweġibiet mill-Ministeru għal Għawdex.