Marsa jixxalaw u jgħaddu għas-semifinali tal-Christmas Cup

Hekk kif intlagħbu l-kwarti finali tal-MAFA Christmas Cup, Marsa St Michael kisbu l-ikbar rebħa tal-ġurnata meta għelbu lil Mqabba Albions bl-iskor ta’ 6-0 sabiex avvanzaw għas-semifinali bħalma għamlu wkoll Qormi Hotspurs, Valletta Stars u Senglea Gunners.
Il-Marsin ixxalaw f’din il-partita iżda kellhom jistennew sat-tieni taqsima sabiex jaċċertaw mir-riżultat wara li sabu quddiemhom tim ta’ Mqabba illi ddefendew sa snienhom fl-ewwel taqsima għalkemm wara t-tieni gowl, id-dixxiplina tattika fil-qasam difensiv ikkrollat għal kollox.
Kien Armando Gjepali illi f’nofs l-ewwel taqsima fetaħ l-iskor għal-liders tal-Ewwel Diviżjoni sabiex l-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima kien dak ta’ 1-0.
Fit-tieni taqsima, Marsa ħarġu kkargati u lesti biex jaċċertaw post fis-semifinali u hawnhekk spikka għalihom il-Brażiljan Ricardo Severino illi f’temp ta’ 20 minuta skorja hat-trick sabiex xpruna lit-tim tiegħu lejn rebħa tennistika.
Robert Perkins u Chris Cutajar żiedu tnejn oħra għall-Marsin sabiex issiġġillaw skor finali ta’ 6-0.
Il-finalisti tas-sena l-oħra ta’ din il-kompetizzjoni Qormi Hotspurs ukoll għamluha għal mal-aħħar erbgħa meta b’wirja tajba għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor minimu ta’ 2-1.
Wara li l-Hotspurs skorjaw iż-żewġ gowls illi tawhom il-kwalifikazzjoni huma kkontrollaw il-partita fit-tieni taqsima minkejja l-isforzi ta’ Naxxar sabiex isalvaw il-partita.
Kien Jean Alesi Spiteri illi poġġa lill-Qriema fil-vantaġġ wara 12-il minuta logħob iżda James Camilleri ġab l-iskor indaqs għall-Victorians.
Qormi ħarġu ferm tajjeb fit-tieni taqsima u dlonk sabu l-gowl tal-kwalifikazzjoni meta Kyle Sultana kien pront tefa’ l-ballun fix-xibka.
Valletta Stars komplew jimpressjonaw f’dan l-istaġun meta eliminaw lil-liders tat-Tieni Diviżjoni San Ġiljan Saints b’riżultat ta’ 2-0.
Wara taqsima fejn l-ebda tim ma rnexxielu jissupera lil ieħor, kienu l-Istilel Beltin illi tjiebu fit-tieni taqsima u hawn daħal fix-xena l-plejer Mamadou Jawo illi f’temp ta’ erba’ minuti skorja doppjetta fil-41 u fil-45 minuta sabiex ikkonferma lit-tim tiegħu minn post fis-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni.
Din kienet l-ewwel telfa f’partita tal-MAFA għal San Ġiljan Saints illi s’issa kellhom staġun sodisfaċenti fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni.
Min-naħa l-oħra Senglea Gunners kisbu rebħa komda ta’ 3-1 fuq Mosta Vikings sabiex ingħaqdu mat-tliet timijiet oħra f’fażi oħra ta’ din it-Tazza.
It-tim mill-Kottonera għamlu l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u fetħu l-iskor mal-kwarta logħob grazzi għas-solitu Glenn Brincat illi wara li rċieva tajjeb ssammar il-ballun wara l-keeper ta’ Mosta.
Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba rari nbidel tant illi l-Gunners skorjaw darbtejn oħra permezz ta’ Reuter Degiorgio fid-39 minuta u Luke Baldacchino fit-58 minuta.
Sitt minuti minn tmiem il-partita, Chris Farrugia naqqas il-marġni tal-iskor għal Mosta Vikings.
Wara dawn il-partiti kollha l-poloz tas-semifinali ta’ din il-kompetizzjoni rriżultaw hekk:
 
2.00pm – Qormi Hotspurs vs Valletta Stars
3.30pm – Senglea Gunners vs Marsa St.Michael
Dawn il-logħbiet jintlagħbu fil-grawnd ta’ Santa Lucija.