Filmat: Mars: Curiosity jurina ż-żewġ qmura

Grazzi għal Curiosity, is-sema tal-pjaneta l-ħamra m’għadiex sigriet għall-bniedem. Wara li fl-aħħar sena Curiosity kien jesplora l-art ta’ Mars, dan ir-robot għolla ħarstu ’l fuq u rnexxielu jieħu r-ritratti taż-żewġ qmura li jduru ma’ Mars.

Għall-ewwel darba fl-Istorja, ix-xjenza għandha f’idejha 41 ritratt tal-qmura Phobos u Deimos jgħaddu minn quddiem xulxin.

Ir-robot Curiosity ħa ir-ritratti fl-1 ta’ Awwissu li għadda imma minħabba l-ammont kbir ta’ informazzjoni li jibgħat minn fuq Mars, ir-ritratti waslu għand in-NASA l-ġimgħa li għaddiet.

Fir-ritratti jidher Phobos, li hu l-ikbar miż-żewġ qmura, jgħaddi minn quddiem Deimos.

Iż-żewġ satelliti ġew skoperti f’Awwissu tal-1877 mill-astronomu Asaph Hall.  Il-qmura għandhom forma irregolari.  Id-dijametru ta’ Phobos hu ta’ 22 kilometri u ta’ Deimos hu ta’ ftit aktar minn 10 kilometri.

Jidher li grazzi għar-ritratti li ħa Curiosity, ix-xjenzati se jkunu jistgħu jifhmu aħjar kif il-qamar Phobos jinfluwenza l-likwidi li jinsabu taħt l-art ta’ Mars.

Skont Mark Lemmon, riċerkatur mill-Università ta’ Texas, Phobos qed jersaq viċin ta’ Mars filwaqt li Deimos qed jitbiegħed mill-pjaneta.

Hu stmat li bejn 30 u 50 miljun sena oħra Phobos, li hu ferm iżgħar mill-qamar li jdur mad-dinja, jista’ jaqa’ fuq Mars.