Awdjo: Marret Palermo fl-aħħar ta’ ħajjitha u waslet Malta imwielda mill-ġdid!

Għall-ewwel darba f’Malta, pazjenta Maltija ingħatat trattament ta’ trapjant tal-pulmun fl-Italja wara ftehim li sar mill-Gvern Malti mal-Awtoritajiet Taljani.

Mar-ritorn tagħha lura Malta, il-pazjenta Sandra Abela sabet jistenniha lill-Ministru tas-Saħħa Dr Joe Cassar li wera ruħu sodisfatt bil-mod kif mexa it-trapjant ġewwa l-ISMETT, li huwa l-Istitut Meditarranju għat-Trapjanti u Terapiji Specjalizzati li jinsab f’Palermo. L-ikbar problema li s’issa pazjenti Maltin dejjem affaċċjaw kienet il-problema tad-distanza minħabba li ladarba jinstab donatur, il-pazjent ikun jeħtieġlu jasal l-isptar fi żmien tliet sigħat. Bil-preparamenti kollha għall-vjaġġ iridu jsiru fi żmien relattivament qasir.

Sandra Abela ta’ 42 sena kienet waslet fl-aħħar ta’ ħajjitha u kienet l-urġenza tal-każ innifsu li wasslet sabiex il-pazjenta telgħet Sqallija fejn għamlet ħames xhur rikoverata. L-Operazzjoni waħedha swiet lill-Gvern €140,000 u dan ma jinkludix l-arranġamenti għall-vjaġġ u l-akkomodazzjoni.

Tkellimna ma’ iben il-pazjenta, Roderick li fi kliemu llum ra lill-ommu titwieled mill-ġdid. Waqt li r-rikoverazzjoni tkompli tieħu iż-żmien il-futur jidher wieħed ta’ tama.

Isma l-intervista sħiħa ma’ Roderick Abela