Marlon Chircop jirbaħ il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ

Marlon Chircop
ritratt: DOI

Read in English.

Waqt ċeremonja fil-bini ta’ Aġenzija Żgħażagħ, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima ħabbru r-rebbieħ tal-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ, Marlon Chircop bil-manuskritt Mitt Elf Isem Ieħor.

Il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ huwa konkors li jiġi organizzat kull sena mill-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. L-għan tal-konkors huwa li jintgħażlu, jiġu ppremjati u ppubblikati rumanzi bil-Malti miktubin apposta għaż-żgħażagħ adolexxenti; rumanzi li jesploraw id-dinja tal-adolexxenti tal-lum, b’dak kollu li din il-fażi tal-ħajja ġġib magħha. B’hekk l-organizzaturi jittamaw li bil-mod il-mod fis-suq jibdew jiżdiedu aktar kotba f’dan il-ġeneru u l-adolexxenti jsibu qari bil-Malti li jinteressahom u jimmotivahom. Permezz ta’ dan il-konkors, l-organizzaturi jaspiraw li l-manuskritti sottomessi jkunu tal-ogħla livell letterarju.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli filwaqt li ferħet lir-rebbieħ qalet kif inizjattivi bħal dawn ikomplu jippromwovu mhux biss it-talenti tal-awturi Maltin imma jħeġġu liż-żgħażagħ fl-età ta’ bejn it-13 u l-15-il sena biex iduru għall-ktieb fi vjaġġ li jisfida l-immaginazzjoni u d-dinja tal-qari.

Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet kif permezz tal-pinna tal-awtur, permezz tal-letteratura, dan hu mod ieħor kif iż-żgħażagħ f’din l-età qed ikollhom l-għatx tagħhom għall-qari indirizzat.

“L-isem tar-rumanz rebbieħ hu Mitt Elf Isem Ieħor, persważa li ż-żgħażagħ f’din l-età li għalihom hu mmirat dan ir-rumanz għandhom mitt elf idea ta’ kif jistgħu jikkontribwixxu fis-soċjetà tagħna” temmet tgħid il-Ministru.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ tenfasizza l-impenn tagħna biex inkomplu nippromwovu l-ħarsien kulturali u artistiku. Huwa qal li r-riċerka turi li ż-żgħażagħ qed isibuha diffiċli peress li qed ikunu ’l bogħod minn sħabhom, però ktieb tajjeb mhux biss jista’ jkun kumpanija tajba, iżda wkoll itejjeb il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet iżgħar tagħna.

“J.K Rowling tgħid li ‘Jekk ma tħobbx taqra, ma sibtx il-ktieb it-tajjeb.’ Dan kollu jagħmel sens li nkomplu noffru u ninvestu f’varjetà akbar ta’ kotba disponibbli u xogħlijiet ta’ letteratura għaż-żgħażagħ tagħna biex igawdu l-qari, anke bil-Malti,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Ir-rebbieħ tal-Konkors, Marlon Chircop, ingħata premju ta’ €1,000, kif ukoll sussidju ta’ €2,000 għall-pubblikazzjoni tal-manuskritt rebbieħ, li se jkun qed jiġi offrut lill-awtur wara l-iffirmar ta’ ftehim ta’ pubblikazzjoni ma’ pubblikatur lokali tal-għażla tiegħu.

Waqt id-diskors tagħhom, l-organizzaturi rrimarkaw li permezz tal-Konkors jaspiraw li jippromwovu u jippremjaw xogħlijiet b’kontenut letterarju għoli. Apparti minn hekk dan il-Konkors għandu l-għan li jixħet dawl fuq il-letteratura għaż-żgħażagħ sabiex l-awturi jissottomettu rumanzi oriġinali għaż-żgħażagħ li huma ta’ natura innovattiva u mhux didattika jew moralizzanti. B’riżultat ta’ dan, iż-żgħażagħ igawdu minn żieda fin-numru disponibbli ta’ kotba mmirati għall-grupp tal-età tagħhom, li tistimulahom biex jibdew esperjenzi tal-qari ġodda u eċitanti.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb irringrazzja lill-evalwaturi indipendenti tal-Konkors 2020, Dr Josette Attard, John A. Bonello u Kevin Saliba, tax-xogħol siewi tagħhom. Il-manuskritt rebbieħ intgħażel minn fost sitt sottomisjonjiet li l-Konkors irċieva fl-2020 u li ġew evalwati skont damma ta’ kriterji stabbiliti, fosthom l-iżvilupp tal-istorja u l-karattri, l-oriġinalità, il-lingwa, u l-kwalità.

Waqt il-konferenza stampa li saret wara ċ-ċerimonja msemmija, l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ġeddew uffiċjalment il-kollaborazzjoni tagħhom u nedew l-edizzjoni tal-Konkors għas-sena 2021. Għaldaqstant, il-kittieba huma mistiedna jissottomettu manuskritti oriġinali għal udjenza żagħżugħa ta’ bejn it-13 u l-15-il sena. L-applikanti għal dan il-konkors jistgħu jissottomettu x-xogħol tagħhom individwalment, jew inkella bħala grupp. Billi l-konkors huwa ġġudikat b’mod anonimu, ix-xogħlijiet għandhom jiġu ffirmati biss bi psewdonimu.

L-entitajiet konċernati qegħdin iħabbru li l-applikanti jistgħu jissottomettu l-applikazzjonijiet u l-manuskritti tagħhom, bil-posta jew direttament, sat-Tnejn 6 ta’ Settembru 2021 f’nofsinhar fl-indirizz t’hawn taħt:

Aġenzija Żgħażagħ

Triq il-Kbira San Ġużepp,

Santa Venera

SVR 1013

Aktar informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għal dan il-konkors u r-regoli tal-aġġudikazzjoni jinsabu ppubblikat fuq is-siti elettroniċi tal-Aġezija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Marlon Chircop

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn