Marlene tinsisti fuq il-ġbejna

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia, baqgħet tinsisti fuq il-frażi li użat ilbieraħ, meta fil-Parlament qalet li s-Segretarju Parlamentari, Clint Camilleri, huwa “ġbejna”.
Fil-Parlament kienet qed tiġi diskussa l-estensjoni taż-Żona Industrijali ta’ Bulebel, meta Farrugia allegat li Camilleri kien qed jipprova jiġġustifika dik li hi sejħitilha “serqa” tal-art mingħand il-bdiewa Żwieten.
Fuq Twitter is-Segretarju Parlamentari qal li Farrugia għajritu “ġbejna” għax hu Għawdxi, u peress li l-ġbejniet huma assoċjati m’Għawdex, dan ifisser li l-kumment tagħha kien razzist.

Madankollu Farrugia filgħaxija ppostjat fuq Facebook ritratt ta’ ġbejniet t’Għawdex u inbid, u qalet “tħosshom jinħallu f’ħalqek”, filwaqt li kompliet tgħid li se tibqa’ tiġġieled għal din l-art.
Aktar tard reġgħet kitbet, u qalet li Camilleri tixraqlu aktar id-deskrizzjoni ta’ “ġbejna mgħoxxa”, għax mhu jagħmel xejn biex jissalvagwardja l-interessi tan-nies li sippost jieħu ħsieb.

Anki l-Membru Parlamentari l-ieħor tal-PD, Godfrey Farrugia, kompla ma’ Marlene Gfarrugia meta fuq Facebook qal li l-ġbejniet mhux Għawdex biss isiru, u tenne l-ħsieb tad-Deputata fl-istess partit, meta qal li trid tkun b’moħħ ta’ ġbejna biex ma tiddefendix art agrikola meta tkun Segretarju Parlamentari favur art agrikola.
Sadanittant, illum il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli qal fi stqarrija li Wied iż-Żrinġ f’diż-żona se jiġi protett.
Farrugia kienet pronta u kitbet fuq Facebook li l-missjoni tagħha hi kompluta, bis-saħħa tal-ġbejna.