Marlene tibqa’ ma tirtirax il-‘ġbejna’; il-Gvern jitlob biex il-każ jieqaf hawn

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-fatt li d-deputat Marlene Farrugia qed tirrifjuta li tirtira kelma “ġbejna” biex tirreferi għas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri jiġi awtomatikament deskritt bħala mġiba ħażina ħafna.
Il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia, baqgħet tinsisti fuq il-frażi li użat it-Tnejn li għadda, meta fil-Parlament qalet li s-Segretarju Parlamentari, Clint Camilleri, huwa “ġbejna”.
L-Ispeaker qal li l-aħħar darba li r-ruling tal-Ispeaker ma ġiex aċċettat kien fis-snin 70.
Il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Gvern ried iwaqqaf din il-kwistjoni u għalhekk qal li wara li tkellem mas-Segretarjun Parlamentari Clint Camilleri qed jitlob lill-Ispeaker biex ma jipproċedix aktar fuq il-każ.
Qal li jifhem l-importanza ta’ ruling tal-Ispeaker “iżda b’sens ta’ maturità min-naħa tal-Gvern” talab biex ma jittieħdux aktar passi kontra d-deputat Farrugia.
L-Ispeaker laqa’ dan l-appell mill-Gvern.
Dwar il-każ tkellem ukoll l-eksKap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fejn qal li fil-passat kemm hu u anki l-Prim Ministru rċivew attakki f’forom differenti ta’ kliem iżda l-Ispeaker qatt ma ta ruling ta’ bħal dak tal-lum.
L-Ispeaker ma qabilx u qal li kien hemm diversi każi fejn ta rulings oħra bħal dawn u qal lil Busuttil li se jagħtih referenza għalihom.