Marlene Mizzi trid tariffi irħas għal telefonati internazzjonali

L-Membru Parlamentari Ewropew Marlene Mizzi ħeġġet lill-Kummissjarju għall-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali, Mariya Gabriel, biex tappoġġja l-isforzi tal-Parlament Ewropew biex jitnaqqsu t-tariffi fuq telefonati u SMSs internazzjonali u biex jiżdied il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur taħt ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjoni.
Fir-rwol tagħha bħala shadow rapporteur tal-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej fil-Parlament Ewropew, Marlene Mizzi talbet lill-Kummissarju Gabriel biex tispjega x’inhi l-perspettiva tal-Kummissjoni dwar telefonati internazzjonali tal-UE u dwar il-livell ta’ armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fi Stati Membri differenti.
Fi stqarrija, l-Ewroparlamentari Laburista qalet li “saru studji li juru li f’xi Stati Membri l-fornituri tal-mobile qed jagħmlu medja ta’ marġini ta’ profitt ta’ 5,000% fuq kull telefonata internazzjonali.
Marlene Mizzi saħqet li din il-problema li trid tiġi solvuta filwaqt li spjegat li b’differenza mir-roaming, li tolqot biss lil dawk il-konsumaturi li jivvjaġġaw fl-UE, prezzijiet abbużivi fuq telefonati u messaġġi internazzjonali jaffettwaw lil kull konsumatur tal-UE li jridu jikkomunikaw ma’ persuna, organizzazzjoni jew kumpanija fi Stat Membru differenti.