Marlene Mizzi titlef l-appell ta’ libell li fetħet kontra David Casa

Read in English.

L-eks MEP tal-Partit Laburista Marlene Mizzi tilfet l-appell ta’ libell li kienet għamlet lill-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa.

Mizzi kienet fetħet dan l-appell wara kummenti li Casa għadda lill-MaltaToday li ġew ippubblikati fl-artiklu bl-isem ‘Casa’s former aide says EP salaries were inflated,’ ippubblikat fit-28 t’Ottubru tal-2018.

Hija oġġezzjonat għall-kummenti li saru fil-konfront tagħha u qalet li kienu kummenti ta’ malafama. Casa kien qal li Mizzi kienet qed tikri l-uffiċini mingħand bintha “payment free, necessarily implying these funds are pocketed.”

Mizzi kienet spjegat kif bintha offritilha post il-Belt Valletta biex tużah bħala uffiċċju. Fil-qorti, l-eks MEP kienet qalet li hi persuna ta’ integrità u li ħadd qatt ma pponta sebgħu lejha.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello osservat li l-fatt li Mizzi kienet qed tagħmel użu ta’ uffiċċju mingħajr ħlas juri biċ-ċar li Mizzi kellha spiża inqas, illi li kieku kellha tikri uffiċċju, kien ikollha toħroġ il-flus għal dan mill-general expense allowance.

Il-Qorti qalet li l-eks MEP kienet persuna pubblika u l-kumment ta’ Casa ma kien xejn għajr kritika lejn persuna pubblika. Qalet li Casa kien qed jitkellem f’kuntest ta’ dibattitu politiku dwar it-trasparenza fl-użu tal-fondi pubbliċi.

B’hekk il-Qorti ma sabitx lil Casa ħati ta’ libell, għaliex il-kummenti ta’ Casa tqiesu li ma kinux malizzjużi.

Mizzi mbagħad appellat is-sentenza.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, ikkonfermat id-deċiżjoni, u qalet li l-kwistjoni tirrigwarda kritika fuq l-użu tal-fondi pubbliċi mill-Membri Parlamentari Ewropej.

Il-Qorti qieset li kemm Casa u kemm Mizzi dak iż-żmien kienu persuni pubbliċi, u għalhekk, suġġetti għall-iskrutinju tal-pubbliku u tal-midja, li ħafna drabi jkun “aħrax u rigoruż.”

L-Imħallef Mintoff qal li s-sitwazzjoni jaf kienet tkun differenti kieku Mizzi ressqet evidenza, pereżempju rċevuti jew kontijiet awditjati, biex turi li użat il-general expenses allowance kollha għal spejjeż amministrattivi u l-bqija.

Apparti dan, il-Qorti nnutat li ma ntweriex li xi flus li ma ntefqux minn dak l-allowance ngħataw lura lill-Parlament Ewropew. Mintoff iddikjara li kieku ntwera dan, Mizzi kien ikollha raġun tgħid li l-kummenti ta’ Casa kienu “malizzjużi.” Madankollu, huwa qies il-kummenti tal-MEP bħala “ġusti,” billi jikkonċernaw kwistjoni ta’ interess pubbliku.

L-Avukat Jason Azzopardi deher għal Casa, filwaqt li Mizzi kienet rappreżentata mill-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo.